ARA: Aktar investiment fil-qasam tas-saħħa f'Għawdex | One News

Notifiki

ARA: Aktar investiment fil-qasam tas-saħħa f’Għawdex

Fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla Għawdex se jkollu Ċentru tas-Saħħa ġdid mgħammar adekwatament u fuq linji moderni. Proġett li huwa stmat li se jkun jiswa’ madwar €1.5 miljun u li se jkun finanzjat minn fondi mill-Ministeru għas-Saħħa u mill-Ministeru għal Għawdex u se jkun l-uniku wieħed f’Għawdex.

F’Mejju li għadda ġiet inawgurata Berġa ġdida fix-Xewkija b’investiment ta’ madwar €80,000 u sadattant għaddej ix-xogħol fuq il-proġett ta’ sptar ġdid minn Steward Healthcare li se jkunu qegħdin jibnu wkoll l-iskola medika ta’ Barts.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana dalgħodu żar il-post, il-binja li tinsab fi Pjazza San Franġisk u li tisbokka fit-triq tat-terminus tal-karozzi tal-linja. “Il-bini ta’ dan iċ-Ċentru tas-Saħħa ġdid f’Għawdex huwa prova oħra ta’ kemm il-Gvern qiegħed iżomm kelmtu mal-Għawdxin li jtejbilhom is-servizzi fil-qasam tas-saħħa.

Ftit bogħod minn hawn għaddej ix-xogħol fuq il-proġett tal-isptar il-ġdid, sptar li se jkun mgħammar bl-aktar apparat mediku modern biex naraw li kemm jista’ jkun il-pazjent Għawdxi jingħata l-kura meħtieġa f’Għawdex stess mingħajr il-bżonn li jkollu jaqsam lejn Malta,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Strutturalment il-post se jkun fuq żewġ sulari, bil-faċilità ta’ lift sabiex pazjenti b’diżabilità u anzjani jkunu jistgħu jagħmlu użu miċ-Ċentru kollu mingħajr ebda problemi. Il-poplu Għawdxi se jkun jista’ jara d-differenza kbira li se jkun ifisser dan il-post minn dak li bħalissa jservi ta’ Ċentru tas-Saħħa.

Huwa kalkulat li madwar 180 ruħ jagħmlu użu kuljum miċ-Ċentru tas-Saħħa f’Għawdex.

Minn naħa tagħha l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li din il-binja importanti se sservi bħala Ċentru tas-Saħħa ġdid u modern u li se jieħu post dak eżistenti. Il-Ministru Caruana qalet li dan iċ-ċentru jinsab f’post strateġiku u aċċessibli peress li hu fil-viċinanzi kemm tal-venda tal-karozzi tal-linja, il-parkeġġ pubbliku u ċ-ċentru amministrattiv tal-gżira. Tenniet li ċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid se kkun post li minnhu jinqdew numru kbir ta’ persuni li ta’ kuljum jirrikorru għal xi tip ta’ servizz mediku.

Hi qalet li dan il-proġett jikkumplimenta l-viżjoni li għandu l-Gvern għall-gżira Għawdxija fil-qasam tas-saħħa u fakkret kif ftit tal-ġimgħat ilu ġiet inawgurata Berġa u Blood Donation Unit ġodda fix-Xewkija.

Il-Ministru Caruana żiedet tgħid li dan iċ-Ċentru tas-Saħħa hu ħolqa minn proġett usa tar-riġenerazzjoni taż-żona kollha hekk kif qed jigi ffinalizzat it-tender biex tiġi riġenerata Pjazza San Franġisk u jitlesta x-xogħol fuq it-taraġ li se jikkumplimenta dan il-proġett estensiv fil-qalba tal-Belt Victoria.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend