George u Alfred Degiorgio magħrufin bħala ċ-Ċiniż u l-Fulu rispettivament, tressqu l-Qorti flimkien ma’ Anca-Adelina Pop is-sieħba ta’ George Degiorio akkużati b’ ħasil ta’ flus.
Huma tressqu l-Qorti taħt arrest fejn iż-żewġt aħwa li huma akkużati wkoll bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, flimkien ma’ Adelina Pop Rumena ta’ 33 sena, inżammu arrestati wara li l-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-istess mara.
Kien wara l-arrest tat-tlett imputati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li l-Pulizija kompliet tinvestiga u tanalizza l-istil ta’ ħajja tal-akkużati.
Fost oħrajn il-Pulizija investigat fil-fond l-assi tagħhom fid-dawl li huma ma’ jaħdmux, fejn sabet biżejjed akkużi sabiex tressaq tnejn minnhom flimkien ma’ sieħba ta’ wieħed mill-aħwa b’ atti ta’ ħasil ta’ flus u bi qliegħ minn attivitá kriminali.
L-investigazzjonijiet u l-analiżi tal-Pulizija mmexxija mill-Ispettur Antonovitch Muscat u l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla rat il-mod kif l-imputati kienu qed jgħixu ħajja lussuża u li kellhom fil-pussess tagħhom karozzi u dgħajjes lussużi.
L-aħwa Degiorgio tressqu wkoll akkużati li huma riċedivi b’ diversi sentenzi mogħtija mill-qrati.
L-avukat difensur tal-mara, David Gatt, talab divjett fuq isem il-mara minħabba li qed tieħu ħsieb erbat itfal li għadhom minuri filwaqt li talab ukoll għall-ħelsien mill-arrest, biż-żewġ talbiet ma’ jiġu miċħuda mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għaż-żewġ talbiet b’ mod partikolari għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-akkużi huma serji u jġorru magħhom pieni ħorox. L-Ispettur Muscat qal ukoll li hemm diversi xhieda b’ rabta ma’ dan il-każ.
Fid-dawl ta’ dan, il-maġistrat Micallef Stafrace talbet sabiex il-prosekuzzjoni tressaq il-provi filwaqt li ttella’ x-xhieda tagħha bl-aktar mod effiċjenti.
Filwaqt li fil-Qorti l-aħwa Degiorgio reġgħu kkonfermaw li ma’ jaħdmux, Anca – Adelina Pop qalet li hi mara tad-dar, fejn għal ħin twil dehret ukoll titkellem mas-sieħeb tagħha George Degorgio.
Fl-awla u fil-kurituri tal-Qorti kien hemm preżenza qawwija ta’ Uffiċjali tal-Faċilita’ Korettiva ta’ Kordin u kif ukoll tal-Pulizija lebsin il-balaklava sewda flimkien ma’ uffiċjali oħra mit-taqsima tal-Kriminalita’ Ekonomika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.