Skortat minn lanċa tal-Forzi Armati Maltin, il-vapur Lifeline b’mitejn u tlieta u erbgħin daħal fil-Port il-Kbir u trakka f’Boiler Wharf fl-Isla. Mal-wasla tal-immigranti f’Malta, sitt persuni fosthom tlett itfla u tliet adulti ttieħdu immedjatament l-isptar Mater Dei għall-assistenza medika b’għadd ta’ ambulanzi li kienu qed jistennew max-xatt.
Il-vapur MV Lifeline daħal f’pajjiżna wara li kienu ilu ħamest ijiem jitlajja bejn il-Libja u Lampedusa.
L-operazzjoni ġiet ikkordinata bejn il-Pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta, l-Aġenzija tal-Ażil, il-Protezzjoni Ċivili, Transport Malta u diversi awtoritajiet tas-saħħa.
Hekk kif niżlu l-art l-immigranti sarulhom għadd ta’ testijiet fuq il-post u ttieħdu b’diversi xarabanks fiċ-ċentru tal-Marsa.
L-aħħar persuna li tniżżlet minn fuq il-vapur kien il-kaptan tal-vapur li ttieħed lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija sabiex jiġi interrogat. Huwa għandu jittieħed lura fuq il-vapur.
L-immigranti kollha ttieħdu lejn iċ-ċentru miftuħ tal-Marsa fejn mistenni jibda l-proċess sabiex jiġu identikati u mistħarrġa jekk jikkwalifikawx għal ażil. Fin-nuqqas ta’ dan jintbagħtu lura lejn pajjiżhom. Skont ftehim ad hoc, l-immigranti se jitqassmu bejn tmien pajjiżi, jiġifieri Malta, l-Italja, il-Portugall, Spanja, Franza, il-Lussemburgu, il-Belġju u l-Olanda.
Intant, il-vapur tal-għaqda mhux governattiva ġie kkonfiskat mill-awtoritajiet Maltin sakemm isiru l-invesitgazzjonijiet neċessarji. Dan wara li l-kaptan injora l-liġijiet internazzjonali u d-direttivi li ngħatawlu mill-awtoritajiet Taljani.