Ayrton D’Amato Quintano, żgħażugħ b’kondotta nadifa ma nbatx il-ħabs wara li ammetta li kkaġuna l-mewt ta’ raġel f’inċident tat-traffiku f’Ħal-Luqa.
Il-każ seħħ meta ż-żgħażugħ kien għad kellu 19-il sena.
Hu kien qed itellaq fi Triq l-Ingieret b’karozza Jaguar kontra sewwieq b’karozza BMW meta baqa’ dieħel f’vann pick-up misjuq minn Filomeno Bonavia ta’ 55 sena. Mad-daqqa l-vann inqaleb b’konsegwenza li Bonavia tar minn ġo fih u miet fuq il-post.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera innutat li ż-żgħażugħ kellu kondotta nadifa, kien għadu żgħir meta seħħ l-inċident, ikkopera mal-Pulizija u kien sofra minn trawma kawża ta’ dak li seħħ.
Għalhekk il-Qorti kkundannatu sena ħabs sospiża għal sentejn, tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal sentejn u kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal sena.