L-eks-Editur ta’ L-ORIZZONT Josef Caruana dalgħodu ħabbar permezz ta’ Facebook li se jkunu qegħdin jiġu appellati t-tliet sentenzi li ngħataw ilbieraħ fil-konfront tiegħu b’riżultat ta’ għadd ta’ libelli li nfetħu mill-eks-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u lkoll kienu relatati ma’ artiklu ppubblikat fuq il-gazzetta IT-TORĊA fl-2015.
Fi vlog fuq il-paġna uffiċjali tiegħu, Caruana rreaġixxa wkoll fil-konfront ta’ kif il-każ irrapportat kien ittrattat minn Busuttil u li, skont hu, dan ma kienx qed jiġri wara l-verità, imma sempliċiment biex irażżan lill-midja milli tkompli tirrapporta.
Il-każ inkwistjoni jittratta laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali lejliet l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013 bejn in-negozjant Joe Gaffarena, ibnu Marc, l-eks-Ministru tas-Saħħa Joe Cassar, li spiċċa jirriżenja mill-Parlament proprju minħabba pjaċiri u rigali li rċieva mingħand l-istess Gaffarena, u Simon Busuttil, li dak iż-żmien kien jokkupa l-kariga ta’ Viċi Kap tal-PN.
Għalkemm fil-proċeduri ġudizzjarji ġie kkonfermat li l-laqgħa fil-fatt seħħet, Busuttil u anke Cassar ikkontestaw il-fatt li Marc Gaffarena kien preżenti u li fiha ntalbu xi dokumenti relatati mal-eks-Ministru Nazzjonalista John Dalli, li dak iż-żmien kien miksur sew mal-PN, u l-każ Daewoo, kif kien irrapportat f’IT-TORĊA.