Daniel Victor Bonnici ta’ tnejn u erbgħin sena minn Burmarrad kien meħlus minn akkużi ta’ traffikar ta’ droga wara li allegatament kien is-sid ta’ dgħajsa li ntużat għal dan l-iskop.
Il-każ kien seħħ fl-2001 bir-raġel jiġi akkużat fl-2009, bil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale tinnota li wara li l-akkużat kien tpoġġa taħt att t’ akkuża ma sar xejn għal ħames snin.
L-evidenza li kienet torbot lill-akkużat mal-każ kienet li l-akkużat kien deher inniżżel id-dgħajsa inkwistjoni fil-baħar u stqarrija li kienet saret mingħajr il-preżenza ta’ avukat. Fid-dawl ta’ dan, kif ukoll il-fatt li telefonati interċettati mis-servizzi tas-sigurtà kienu nkonklussivi, il-Qorti lliberat lil akkużat mill-akkużi miġjuba kontrih.
Għal akkużat dehret l-avukat Giannella Demarco.