L-Awditur Ġenerali kkonferma li l-għoti tal-pensjoni parlamentari lill-eks-Membru Parlamentari l-Imħallef Emeritu Philip Sciberras kienet regolari u ġustifikata u ma kien hemm ebda ndħil politiku biex jikseb il-persjoni parlamentari.
Dan irrizulta minn investigazzjoni li għamel l-Awditur Ġenerali.
F’Marzu li għadda l-ġurnalist ta’ Times of Malta Ivan Camilleri kien allega li l-Imħallef Emeritu Philip Sciberras kien qed jirċievi pensjoni parlamentari li ma kienx intitolat għaliha u li tħallset lilu kontra l-parir tad-Dipartiment tat-Teżor.
L-Awditur Ġenerali ntalab jinvestiga din l-allegazzjoni, u sab li l-Imħallef Emeritu Philip Sciberras ma ngħata l-ebda trattament preferenzjali kif allegat minn Ivan Camilleri.
Philip Sciberras kien ġie elett l-ewwel darba fil-Parlament fl-elf disa mija disgħa u sebgħin permezz ta’ elezzjoni każwali u serva sad-disa ta’ Novembru elf disa mija wieħed u tmenin. Hu ġie elett mill-ġdid fl-Elezzjoni ta’ wara, dik tal-elf disgħa mija wieħed u tmenin, u serva sat-tlettax ta’ Frar elf disa mija sebgħa u tmenin.
L-Awditur Ġenerali spjega kif l-Att dwar il-Pensjonijiet tal-Membri tal-Parlament jistipula li l-perjodu bejn il-leġislaturi għandu jiġi kkalkolat għal skopijiet ta’ pensjoni jekk il-Membru Parlamentari jiġi elett fil-Parlament fl-Elezzjoni Ġenerali sussegwenti.
L-Awditur Ġenerali analizza d-dokumentazzjoni kollha provduta, inkluż il-parir tal-Avukat Ġenerali. Bl-Awditur Ġenerali qabel ma’ dak sostnut mill-Avukat Ġenerali – li l-perjodu kollu li serva l-eks-Membru Parlamentari Philip Sciberras kellu jkun meqjus bħala perjodu pensjonabbli.
L-Awditur Ġenerali vverifika l-pagamenti lill-eks-Membru Parlamentari Philip Sciberras fir-rigward tal-pensjoni parlamentari u kkonferma li l-ħlasijiet kollha li saru kienu fil-fatt regolari. Il-pensjoni dovuta kienet tmur b’lura mill-elfejn u sitta meta Sciberras laħaq l-età ta’ wieħed u sittin sena.
Għaldaqstant, l-Awditur Ġenerali ma identifika l-ebda inkonsistenza fit-trattament ta’ dan il-każ jew ebda forma ta’ pressjoni li setgħet titqies bħala interferenza politika sabiex l-eks-Membru Parlamentari Philip Sciberras jikseb il-pensjoni parlamentari.