Dalgħodu għaddejja konferenza nazzjonali li qed tiddiskuti l-passi ‘l quddiem lejn ħajja hielsa mil-vizzju qerriedi tad droga. Din hija konferenza storika għall-fatt li qed isir fil-bini tal-Parlament bħala l-għola istituzzjoni f’pajjiżna u għall-fatt li hawn taħt saqaf wieħed l-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha, fosthom membri tal-Korp tal-Pulizija, is-Sedqa, l-OASI u l-Caritas li lkoll jaħdmu qatiegh lejn il-qerda tal-vizzju tad-droga.
Fil-bidu tal-konferenza, l-Ispeaker tal-Kamra Anglu Farrugia qasam is-sentimenti tiegħu dwar din il-problema li rrefera għaliha bħala waħda li tisraq il-ħajjiet tal-għeżież tagħna. Hu tkellem dwar kemm hu importanti li l-istakeholders kollha f’pajjiżna jaħdmu id f’id biex in-numru tal-vittmi jkomplu jonqsu.
Tkellmu wkoll rappreżentanti mill-Caritas, mill-Oasi u mis-Sedqa fejn wieħed seta’ jinnota sentimenti kommuni bejniethom. Dik li l-problema tad-droga hi waħda li r-realtà tagħha qed tagħmel ħafna ħsara fost iż-żgħazagħ ta’ pajjiżna.
Clifford Galea, persuna li kien maħkum mill-vizzju tad-droga u li għamel programm ta’ rijabilitazzjoni mal-Fondazzjoni OASI qasam l-esperjenza personali tiegħu fejn stqarr li hemm bżonn li nifhmu li d-droga mhix mohbija x’imkien remot iżda tinsab disponibbli bl-iżjed mod faċli għal kull tip ta’ persuna minn kull faxxa tas-soċjetà. Hu stqarr li minkejja li kellhu diversi suċċessi f’ħajtu, id-droga wasslitu biex jitlef dak kollhu li kien bena tul is-snin u wasslitu biex jagħmel affarijiet li qatt ma mmaġina li ser jgħaddi minnhom.
F’ kumment li ta’ lil one.com.mt, il Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Dr. Michael Falzon stqarr li bħal kull pajjiż ieħor Malta għanda l-problemi tagħha fir-rigward ta’ sustanzi illegali li qed jagħmlu ħafna ħsara u żied jgħid li l-laqgha tal-lum hi l-ewwel pass biex l-enerġija u s-sinergija li hawn llum fil-Bini tal-Parlament jinġarr barra minn dan il-bini u nkomplu naħdmu lejn ħajja ħielsa mid-droga.