Sforzi diplomatiċi li saru fl-aħħar tmienja u erbgħin siegħa mill-Prim Ministru Joseph Muscat u istituzzjonijiet ewropej jidher li wasslu għal żblokk dwar il-vapur MV Lifeline li abbord fuqu hemm madwar mitejn u tletin immigrant.
Il-vapur ta’ għaqda mhux governattiva spiċċa f’kontroversja kbira wara li l-kaptan tal-vapur kiser ir-regoli internazzjonali meta ma segwiex l-ordnijiet mogħtija mill-awtoritajiet Taljani.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-isforz dipolomatiku tal-Prim Ministru u tal-istituzzjonijiet jidher li se jwassal għal ftehim ad hoc biex l-immigranti li jinsabu fuq il-vapur MV Lifeline jitqassmu bejn għadd ta’ pajjiżi membri Ewropej.
Qal li s’issa diġà kienu erbgħa l-pajjiżi li kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-ftehim waqt li żewġ pajjiżi oħra għadhom qegħdin jevalwaw il-possibilità li jieħdu numru ta’ immigranti.
Il-Gvern qal li f’każ li l-vapur jidħol fil-portijiet Maltin, għandha ssir investigazzjoni dwar x’tip ta’ azzjonijiet jistgħu jittieħdu fil-konfront tal-kaptan tal-vapur MV Lifeline wara li ma osservax l-istruzzjonjiet li ngħata.
Il-Gvern sosnta li l-isforzi ta’ Malta fir-rigward tal-MV Lifeline huma mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni ta’ Malta dwar il-liġi internazzjonali.
Qal li l-azzjoni tal-Prim Ministru kellha l-għan li tipprevjeni milli dan il-każ jiżviluppa fi kriżi umanitarja billi r-responsabbiltà tinqasam bejn għadd ta’ stati membri li lesti li jikkoperaw.
Il-Gvern Malti ta ħajr lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-President tal-Kummissjoin Ewropea għall-assistenza tagħhom f’dan l-isforz li għadu għaddej bejn għadd ta’ mexxejja Ewropej.
B’reazzjoni għal rapporti fil-midja internazzjonali li Malta kienet se tilqa’ l-vapur MV Lifeline fil-portijiet tagħha, One news jinsab informat li qabel ma’ numru ta’ stati membri Ewropej jikkonfermaw li se jieħdu numru ta’ immigranti li jinsabu fuq il-vapur, il-Gvern Malti ma kienx se jawtorizza lill-vapur milli jidħol f’Malta.
Il-vapur Lifeline ilu jitlajja bejn il-Libja u Lampedusa għal dawn l-aħħar ħamest ijiem wara li l-immigranti ġew salvati f’żona bejn il-Libja u Lampedusa. Fil-fatt Malta la kienet qed tikkordina s-salvataġġ u lanqas hi l-awtorità kompetenti.
Skont iċ-ċentru ta’ kordinament ta’ tiftix u salvataġġ f’Ruma, dan is-salvataġġ seħħ fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Libjana u għall-ewwel kien qed jitmexxa miċ-ċentru ta’ kordinament f’Ruma bl-awtoritajiet Libjani kienu qed jassumu r-responsabbilità tal-każi ta’ tiftix u salvataġġ.