L-inizjattiva magħrufa bħala Go4Industry ser twassal biex 15-il għalliem minn skejjel u dipartimenti differenti, jagħmlu ħamest ijiem jaħdmu u jirriċerkaw il-bżonnijiet tal-industrija ma’ wħud mill-kumpaniji ewlenin f’pajjiżna biex jidħlu lura għal sena skolastika oħra b’għarfien tar-realtajiet barra mill-bibien tal-iskejjel.
Genise Formosa, għalliema tal-bijoloġija f’livell sekondarju stqarret ma’ ONE News li din hi ċ-ċavetta li se toħloq pont bejn il-kors universitarju li jwassal biex wieħed isir għalliem u l-prattiċi tal-industrija. Hi żiedet tgħid li tinsab ħerqana għal dan l-iskambju biex issaħħah l-għarfien tagħha bi preparazzjoni għal sena skolastika ġdida f’ Settembru li ġej.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni Dr.Frank Fabri stqarr li dan hu wieħed mill-iżjed passi importanti lejn sistema edukattiva iżjed ħolistika li tqarreb lill-ħaddiema ta’ għada lejn l-industrija ta’ pajjiżna. Hu żied jgħid li din hi ħolqa waħda f’kullana ta’ inizjattivi li se jtejbu l-vjaġġ edukattiv fosthom ir-riformi fis-sillabi li se jiġu Implimentati fis-sena skolastika l-ġdida u l-investiment ta’ 20 miljun ewro f’77 workshop ġdid fl-iskejjel sekondarji.