L-iktar ħatriet riċenti fil-ġudikatura juru li l-gvern qed imexxi bl-eżempju fejn jidħol is-sehem tal-mara fis-soċjetà. Tant li llum għandna ugwaljanza sħiħa f’dawk li huma ġudikanti nisa u rġiel f’pajjiżna. B’din il-bidla importanti pajjiżna reġa’ kiteb l-istorja u Gvern Laburista reġa’ wera li hawn ukoll qalbu qiegħda fil-post it-tajjeb fejn mill-kliem jgħaddi għall-fatti. Minn 35% ta’ nisa fil-ġudikatura llum dan in-numru jlaħħaq il-50%.
Fi stqarrija Nisa Laburisti qalet li dan l-eżempju u r-riżultati li qed jinkisbu f’dan is-settur issa għandhom jixprunaw lis-soċjetà biex hi wkoll tkun lesta għal bidliet li hemm bżonn biex nilħqu ugwaljanza f’oqsma oħra, fosthom dik tar-rappreżentanza.
Il-Gvern qed juri li pajjiżna jista’ jkun ta’ eżempju għad-dinja fil-qasam tal-ugwaljanza. Issa jmiss li forzi oħra fis-soċjetá jingħaqdu miegħu u nġibu bidliet oħra fejn għadna ma wasalniex u fejn il-gvern għandu l-mandat elettorali li jaġixxi biex naslu wkoll.
Nisa Laburisti temmet tgħid li filwaqt li tawgura suċċess, tħares ‘il quddiem għal aktar ħatriet ta’ nisa f pożizzjoniijiet ta’ tmexxija.
Intant fi stqarrija separata mill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, il-Ministru Helena Dalli qalet li filwaqt li tawgura lill-membri ġodda kollha tal-ġudikatura, pajjiżna qed ikompli jimxi ’l quddiem fit-triq tal-ugwaljanza bil-fatt li t-tliet maġistrati ġodda maħtura huma kollha nisa. Ma’ dawn kien hemm ukoll il-ħatra ta’ mħallef mara. B’hekk, issa Malta għandha l-maġġoranza tal-ġudikatura li huma nisa, qabża ta’ 16% meta mqabbel mas-sena 2013, meta kien hemm ftit iktar minn terz (35%) tal-membri tal-ġudikatura nisa.
Helena Dalli qalet li dan hu xhieda ta’ kemm il-gvern verament jemmen fil-ħiliet tan-nisa u hu kommess biex bil-fatti jsaħħaħ l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha tal-ħajja.
Il-Ministru Dalli tenniet li l-gvern jibqa’ mpenjat li pajjiżna jkollu aktar nisa fil-livelli tat-tmexxija u fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, mhux l-inqas li nkomplu naħdmu biex l-ammont ta’ membri parlamentari nisa jiżdied ukoll.