Luke Grech ta’ sitta u għoxrin sena minn Wied il-Għajn ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li kien fil-pussess tad-droga kokaina u kannabis li jidher li ma kinux għall-użu personali tiegħu.
Iż-żagħżugħ inqabad fil-fatt fi tmiem il-ġimgħa li għadda bi droga moħbija fil-partijiet privati tiegħu f’Marsaxlokk.
Fi tfittxija li saret fuq il-ġuvni, il-Pulizija sabitlu tnejn u għoxrin borża droga kokaina u borża oħra li kien fiha sitt grammi kannabis. Huwa kien qed iġorr fuqu aktar minn elf ewro. Il-Pulizija sabulu wkoll borża oħra bl-ecstasy fil-karozza tiegħu waqt li seba’ grammi oħra nstabu f’garaxx.
Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għat-talba tal-ħelsien mill-arrest iżda insistiet għal kundizzjonijiet iebsa biex tassigura li r-raġel ma jerġax ixellef difrejh mal-ġustizzja.
Il-Maġistra Donatella Frendo Dimech laqgħet it-talba fuq depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ ewro. Il-qorti ħeġġet liż-żagħżugħ jieħu trattament biex jegħleb il-vizzju tad-droga. Qaltlu li l-qorti kienet qed toffrilu l-għajnuna waqt li wissietu quddiem missieru fl-awla tal-qorti.
Għal Grech dehru l-Avukat Franco Debono u Amadeus Cachia.