B’investiment ta’ erba’ miljun ewro ġiet inawgurata kċina ġdida u moderna fir-Residenza San Vinċenz de Paule.
Kċina li hija ta’ livell industrijali u li waslet wara li twaqqgħet dik preċedenti. Dan għaliex il-kċina li kien hemm qabel kienet fi stat diżastruż, tant li l-esperti rrakomandaw li tingħalaq.
Ix-xogħol beda f’Diċembru li għadda, bl-estetika ta’ barra tinżamm kif kienet. Dan filwaqt li kien hemm bidla fil-menu, li ġie mfassal skont ix-xewqat tar-residenti.
Huwa stmat li ta’ kuljum isiru elf ikla, u l-menu huwa ffurmat minn mitt platt differenti mifrux fuq ġimgħatejn.