Imfakkar il-Jum Internazzjonali Kontra l-Abbuż mid-Droga | One News

Notifiki

Imfakkar il-Jum Internazzjonali Kontra l-Abbuż mid-Droga

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali Kontra l-Abbuż mid-Droga, il-Ministeru għal Għawdex, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni OASI, organizza ġurnata ta’ attivitajiet biex iqajjem kuxjenza dwar dan is-suġġett.

Dawn l-attivitajiet kienu jikkonsistu f’sessjonijiet ta’ informazzjoni, outreach biex iktar nies ikunu konxji tar-realtajiet soċjali li għandna f’pajjiżna, speċjalment f’Għawdex, kif ukoll disseminazzjoni ta’ materjal informattiv. F’dawn l-aħħar ġranet ukoll il-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex u l-klijenti b’diżabilità taċ-Ċentru Santa Marta ħadu ħsieb li jżejnu roundaboutewlenija f’Għawdex biex ukoll jgħaddu messaġġ kontra l-abbuż tad-droga.

Il-qofol tal-attivitajiet intlaħaq f’ċerimonja li saret fil-bini tal-Fondazzjoni OASI fejn ingħata rikonoxximent lil dawk li matul din is-sena ddedikaw il-ħidma tagħhom b’risq il-fondazzjoni. Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana indirizzat din l-attività li kienet timmarka s-27 sena anniversarju mit-twaqqif tal-istess fondazzjoni. Filwaqt li rringrazzjat lil Dun Manwel Cordina, il-fundatur tal-OASI u li mexxiha għal dawn is-snin kollha, qalet kif il-ħolma ta’ Dun Manwel issarfet f’ħafna ġid għal dawk kollha li bbenefikaw mill-għajnuna u s-servizzi li joffru l-OASI. Hi ferħet ukoll lis-CEO l-ġdid Noel Scerri u tenniet l-appoġġ tagħha u tal-Ministeru għal Għawdex f’din l-aġenda tant importanti.

Il-Ministru Caruana qalet li huwa tassew pożittiv li f’pajjiżna għandna dibattitu ħaj u miftuħ dwar dan is-suġġett u awgurat ħidma sfiqa lill-OASI li permezz tas-servizzi professjonali li joffru, qed jiġu indirizzati wkoll l-bżonnijiet fuq bażi nazzjonali.

Ritratt: MGOZ

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend