“Xokk kbir. Telfa għal kull min kellu x-xorti jafek. Ma nistax nemmen li mhux se narawk aktar iżda żgur mhux forsi li qatt m’hu se ninsewk.”
Dawn huma ftit mill-messaġġi li tħallew mill-ħbieb u l-qraba ta’ Boris Ċini Facebook. Cini tilef ħajtu lbieraħ wara inċident tat-traffiku taħt il-mina tal-Università fl-Imsida.
Kienu bosta li fakkru l-memorja ta’ Cini b’bosta jiktbu kif kien bniedem b’qalb kbira, dejjem bi tbissima fuq fommu u dejjem lest biex jgħin.
F’messaġġ fuq Facebook, il-kantant tal-Wintermoods Ivan Grech, fakkar lil Cini u qal li kien iqis lil Cini bħala ħuh minkejja li ma kienx, iżda hekk dejjem ħass li kien.
Spjega li ma jifdallu xejn ħlief memorji sbieħ ta’ mumenti li qattgħu flimkien f’Marsaxlokk u kif dejjem kien jieħu gost bil-kumpanija tiegħu meta kienu jiltaqgħu.
Sostna li huma dawk li jafuh, jifhmu kemm minkejja li din l-aħbar hi ta’ qsim il-qalb, kull memorja tiegħu tpoġġilek tbissima li tiġġieled mad-dema’ ta’ dispjaċir.