Jesiġi fuq għajnuna finanzjarja ġdida – Alfred Sant | One News

Notifiki

Jesiġi fuq għajnuna finanzjarja ġdida – Alfred Sant

Malta jixirqilha għajnuna finanzjarja ġdida mill-UE minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha fil-periferija tal-Ewropa biex tagħmel tajjeb għal telf ta’ fondi li jista’ jkun hemm mill-Fondi ta’ Koeżjoni fil-Baġit il-ġdid tal-UE bejn 2020-2027.  Dan qalu Alfred Sant, Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament f’laqgħa pubblika fiż-Żejtun dwar is-sehem ta’ Malta mill-Baġit tal-UE bejn 2020-2027.

Dr Sant qal li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE hija problema għall-UE għax se jonqos il-kontribut ta’ dal-pajjiż għall-Baġit Ewropew. Dan qed isir fl-istess żmien li nħolqu prijoritajiet oħra għall-Ewropa, l-aktar bl-immigrazzjoni u bil-politika ta’ sigurtà tal-UE. Malta se titlef alleat mir-Renju Unit li kellha l-istess pożizzjoni tagħna fuq is-servizzi finanzjarji.

“Il-problemi tal-immigrazzjoni mil-Lvant u mill-Afrika ta’ Fuq se jżidu l-piż biex l-UE tħares il-fruntieri tagħha. Dan apparti l-fatt li l-UE trid tiddetermina kif tiddefendi l-fruntieri tal-baħar bejn l-Afrika u l-kontinent. L-UE trid toħloq investimenti ġodda fil-pajjiżi Afrikani. L-UE trid iżżid l-infiq fuq id-difiża u s-sigurtà għax l-Ewropa fiehmet li ma tistax tistrieħ aktar fuq l-Istati Uniti. Il-ħatra ta’ Trump żiedet l-inċertezza tal-UE fuq l-Istati Uniti li qed jagħmilha ċara li l-Ewropa għandha toħroġ sehemha għad-difiża u ma tistrieħx biss fuq in-NATO.”

Malta tibbenefika l-aktar mill-Fondi tal-Koeżjoni fi proġetti ta’ toroq, enerġija, edukazzjoni u industrija.

Dawn il-fondi jitqassmu skont il-bżonnijiet tal-pajjiżi. L-ekonomija ta’ Malta kibret bin-nofs fl-aħħar snin, espansjoni bla preċedent mill-Indipendenza ’l hawn. Il-kontribuzzjoni ta’ Malta lejn l-UE kienet akbar fl-aħħar snin minħabba l-espansjoni ekonomika bla preċedent li kellu pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend