ARA: Ħadd wara ħadd, jasal żball ta’ Delia – One News

Notifiki

ARA: Ħadd wara ħadd, jasal żball ta’ Delia

Id-diskorsi jew intervisti li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jkollu kull nhar ta’ Ħadd qed ifissru sensiela ta’ żbalji dwar l-ekonomija, ir-riżultati u t-tmexxija tagħha.

Meta wieħed jidħol fil-fond ta’ dak li jkun qed jgħid ma’ analisti ekonomiċi bħal dawk li tkellmet magħhom il-gazzetta KullĦadd jirriżulta li Delia ma jafx kif taħdem l-ekonomija tant li l-analiżi tiegħu hija superfiċjali. Ta’ dan l-esperti li tkellmu magħna taw eżempji konkreti.

Il-Ħadd li għadda qalilna li l-ħaddiema u l-familji qed jaffaċjaw iktar piżijiet speċjalment f’żidiet fil-prezz tal-ikel u l-enerġija. Tkaża għax f’Mejju l-inflazzjoni f’Malta kienet 1.7% u żdiedet b’0.6% fuq l-istess xahar tas-sena li għaddiet.

F’nifs wieħed ħa tliet żbalji.

L-ewwel, kien qed jikkwota l-Harmonised Index of Consumer Prices li fil-fatt jgħidlek li kważi 1% mill-1.7% li semma Adrian Delia huwa dovut għal żieda fil-prezzijiet tal-lukandi.

Jiġifieri żieda li ġejja mill-fatt li t-turiżmu qed jisplodi u l-lukandi jistgħu jgħollu r-rati tal-kmamar b’effett pożittiv fuq il-qligħ tagħhom u possibilment anke għad-dħul tal-ħaddiema li jaħdmu fihom.

Delia ma jafx li l-miżura tal-inflazzjoni li jħossu l-ħaddiema hija r-Retail Price Index li jinħadem fuq basket ta’ prodotti u servizzi li jikkunsmaw il-Maltin, mhux it-turisti wkoll. Dak hu t-tieni żball. Dan l-indiċi juri rata ta’ inflazzjoni ta’ 0.8%, mhux 1.7%. Eżatt kif jgħid il-Harmonised Index of Consumer Prices jekk tneħħi l-effett tal-lukandi.

It-tielet fatt li nesa jiċċekkja Adrian Delia qabel tkellem kien li r-rata ta’ inflazzjoni bħalissa hija fost l-inqas fl-istorja. Pereżempju f’Ottubru 2008 ir-rata ta’ inflazzjoni kienet 5.7%, iktar minn tliet darbiet dik preżenti. Iktar riċenti, f’Ġunju 2012 ir-rata ta’ inflazzjoni kienet 4.3%.

Semma l-inflazzjoni fil-prezz tal-ikel li bħalissa hija 1.6%. Imma f’Diċembru 2012 kienet 6%, kważi erba’ darbiet iktar mil-lum. Fl-enerġija, gass u fuel, illum inflazzjoni ta’ 1.2%, f’Novembru 2005 kienet 44.5%, f’Marzu 2009 kienet 42.1% u f’Diċembru 2010 kienet 33%.

L-analisti ekononmiċi li tkellmu magħna sostnew kif Kap tal-Oppożizzjoni li juri dan id-dilettantiżmu fl-analiżi tiegħu dwar l-ekonomija ma jistax jiġi fdat bit-tmexxija ta’ pajjiż li qed jagħmel tant suċċess u li bit-tisħiħ fl-ekonomija qed jirnexxilu jwettaq tant proġetti soċjali għal familji u negozji Maltin.

Iżda, dan ma kienx żball iżolat. Iktar kmieni din il-ġimgħa fuq il-Facebook tal-Partit Laburista kkummenta d-Deputat Clayton Bartolo.

“Għal xi ħadd bħali bi sfond fl-ekonomija d-diskorsi ta’ Adrian Delia kull nhar ta’ Ħadd iservu biex ikomplu jġegħluni nifhem kemm il-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandu ebda ħjiel ta’ kif tmexxi ekonomija ta’ pajjiż.

Agħar minn hekk, lanqas l-iktar fatti bażiċi ma jaf.

Ftit tal-jiem ilu qalilna li f’Malta hawn 70,000 ruħ li qed jgħixu fil-faqar, minkejja li għandhom impjieg fiss,” ikkummenta Bartolo.

Spjega kif li kieku jkollna nemmnu din iċ-ċifra, ikun ifisser li 38% ta’ dawk kollha li jaħdmu f’Malta huma foqra.

Jekk tara l-istatistika tal-Eurostat, li ssib faċilment online huma biss 5.2% dawk f’diffikultajiet finanzjarji minkejja li jaħdmu.

“Bħala gvern se nibqgħu naħdmu biex lil dawn il-5.8% ngħinuhom ukoll. Però rrid ngħid li din hija fost l-inqas rati fl-Unjoni Ewropea,” qal Bartolo.

Però l-Kap tal-Oppożizzjoni spiċċa jħawwad iktar minn hekk.   Fuq Newsbook qal li 70,000 ruħ  huma foqra għax minkejja li jaħdmu huma  missirijiet.

L-istatistika uffiċjali turi li hawn 57,000 familja bi tfal dipendenti u minnhom 6,000 huma single mothers.

Jiġifieri f’Malta b’kollox hawn madwar 52,000 missier bi tfal dipendenti fuqhom.

“Delia lanqas idea ta’ kemm hawn nies u x’jagħmlu m’għandu, aħseb u ara kemm jista’ jkun fdat biex itejbilhom ħajjithom. Il-fatt li Delia għandu partit maqsum qed iwassal biex ma jkunx preparat u agħar minn hekk jispiċċa jagħmel żbalji goffi bħal dawn,” temm Bartolo.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend