Rigward id-deċiżoni dwar l-insib mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea l- Prim Ministru dalgħodu f’intervista rrekordjata fuq ONE Radio spjega kif il-Partit Laburista dejjem wettaq dak li wiegħed lin-nassaba.
Fakkar li huwa fatt li n-nassaba waqfu jonsbu fl-2009 taħt gvern preċedenti, minkejja l-wegħdi li saru primarjament minn Simon Busuttil.
“Aħna għamilna dak kollu possibli biex dan l-istaġun kemm ilna fil-gvern jinfetaħ u hekk għamilna,” kompla Muscat. Fisser kif il-Partit Laburista kien ċar li jista’ jkun hemm sfida għal din id-deċiżjoni kif fil-fatt sar. Fid-difiża ta’ din l-isfida l-Federazzjoni tal-Kaċċaturi u n-Nassaba, FKNK, kienet mal-gvern u Muscat qal li anke r-reazzjoni tal-FKNK turi li kienet taf li l-gvern aġixxa b’mod korrett.
Il-Prim Ministru kompla jispjega kif wara din is- sentenza inappellabli mill-qorti Ewropea, ma jixtieqx iwiegħed xi ħaġa li ma tistax issir. “Hija sentenza iebsa ħafna, però ha neżaminawha sewwa,” żied Muscat li qal li żgur ma tistax tinkiser il-liġi. Fl-istess ħin innota kif fil-Partit Nazzjonalista kellu pożizzjonijiet differenti u fakkar kif dan m’għandu ebda kredenznali mal-kaċċaturi u n-nassaba.
“Aħna bħalissa qed neżaminaw is-sentenza. X’ħin neżaminawha sewwa noħorġu bil-pożizzjoni tagħna… Aħna qatt ma dħaqna b’ħadd. Fil- każ tal-kaċċaturi u nassaba iżjed u iżjed, qatt ma dħaqna bihom. Ngħidulhom biss dak li verament jista’ jsir,” temm jgħid il-Prim Ministru.