BIL-FILMAT: Deċiżjonijiet fl-interess tad-dinjità umana u l-interess nazzjonali – JM | One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Deċiżjonijiet fl-interess tad-dinjità umana u l-interess nazzjonali – JM

L-isfida tal-immigrazzjoni rregolari kienet deskritta bħala kwistjoni ta’ sigurtà kif ukoll sfida umana. Dan mill-Prim Ministru Joseph Muscat, f’intervista rrekordjata li xxandret fuq One Radio sigħat qabel mexxejja Ewropej jiltaqgħu fi Brussell dwar is-suġġett.

“Hija kwistjoni emozzjonali mmens b’konnotazzjonijiet morali, politiċi, umani u ta’ sigurtà. L-affarijiet ma tistax tifiridhom minn ma’ xulxin. Ma naqbilx ma’ min jgħid din hi biss issue ta’ sigurtà jew hija biss kwistjoni umanitarja. Hija kwistjoni tat-tnejn li huma. Bħala pajjiż il-politika tagħna hi li rridu nuru l-wiċċ uman imma rridu ngħassu wkoll il-fruntieri ta’ pajjiżna,” qal Joseph Muscat.

Fisser li vantaġġ li għandu hu l-fatt li m’għandux għalfejn jiċċaqlaq mill-pożizzjoni li Malta ħadet tul dawn l-aħħar ħames snin.

“Il-pożizzjoni tagħna kienet dejjem ċara,” qal Joseph Muscat li tkellem dwar id-differenza kbira li trid issir bejn min għandu dritt għall-ażil u migranti ekonomiċi.

Joseph Muscat qal li din id-darba qed jara li hemm impetu xprunat minn pajjiżi kbar għal żblokk f’din il-kwistjoni. “Din hija diskussjoni li aħna nilqgħu,” żied Joseph Muscat. Meta tkellem dwar fejn qiegħda Malta, Joseph Muscat tenna: “Aħna qegħin fil-kamp tas-sens komun. Il-kamp tar-realiżmu, ta’ min jifhem li trid turi l-wiċċ umanitarju, li ma tistax tilgħab bil-ħajja tan-nies u fl-istess ħin li l-qasam tas-sigurtà għandu jittieħed b’serjetà enormi,” qal Joseph Muscat.

“Li nista’ nassigura li jiġri x’jiġri jien se nieħu d-deċiżjonijiet bili nqis żewġ punti, l-ewwel id-dinjità umana u fuq l-istess livell l-interess nazzjonali. Mhux se nilgħabu bil-ħajja tan-nies imma mhux se nħallu lil ħaddieħor jilgħab bina bħala pajjiż,” tenna l-Prim Ministru.

Mistoqsi dwar il-kummenti tad-Deputat Prim Ministru Taljan Di Maio b’rabta mal-interconnector, Joseph Muscat, reġa’ fakkar kif “Malta u l-Italja dejjem għenu lil xulxin.”

Filwaqt li Di Maio ta x’jifhem li qisu d-dawl qed jingħata lil Malta mill-Italja b’xejn, Joseph Muscat spjega kif Malta tixtri d-dawl mill-grid Ewropew minn fejn ikun jaqblilha u dan jgħaddi minn cable li jgħaddi mill-Italja u jasal sa Malta.

L-istruttura tal-kuntratt tal-interconnector tinkludi l-massimu, il-minimu u l-mod ta’ kif tkun immaniġjata l-provvistà. Peró f’każ remot li l-Italja tiddeċiedi li tikser il-liġi u tieħu xi pass bl-interconnector Malta mhix dipendenti għax il-gvern kellu pjan tal-enerġija.

“Illum il-ġurnata, għaliex għandna l-power station il-ġdida ta’ Delimara li tahdem bl-LNG, f’każ remot fejn dan il- cable jinqata’, aħna nistgħu nimxu waħedna għax għandna din il-power station li ħaddiehor kien jgħid li ‘għandniex bżonn,” spjega l-Prim Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend