Żewġ kanuni simbolu ta' ġrajja ta' 75 sena ilu b'investiment ta' €50,000 | One News

Notifiki

Żewġ kanuni simbolu ta’ ġrajja ta’ 75 sena ilu b’investiment ta’ €50,000

 

F’għeluq il-ħamsa u sebgħin sena mill-invażjoni ta’ Sqallija fit-tieni Gwerra Dinjija, b’investiment ta’ ħamsin elf ewro, Fondazzjoni Wirt Artna kisbet żewġ kanuni li huma simbolu tat-taqbida f’dak il-perjodu.

Żewġ kanuni li l-għan tagħhom kien primarjament li jġarrfu l-ajruplani tal-għadu.

L-ewwel wieħed, tat-tip Bo Force, mudell Amerikan ta’ kanun b’disinn Żvediż, intuża f’pajjiżna għal perjodu qasir bejn Ġunju u Lulju tal-elf disa’ mija u tlieta u erbgħin, u iktar tard intuża propju għall-invażjoni ta’ Sqallija. Għalkemm f’pajjiżna dan jissimbolizza l-forzi tal-Alleati, iċ-Ċermen ta’ Fondazzjoni Wirt Artna Mario Farrugia spjegalna li fit-tieni gwerra dinjija, dan il-kanun kien jintuża miż-żewġ fazzjonijiet opposti. 

L-ieħor, magħruf bħala Flak 38 huwa s-simbolu tal-Forzi Ġermaniżi. Fil-fatt is-Sur Farrugia spjegalna li minn dan il-mudell immanifatturaw b’kollox mal-mija u disgħa u erbgħin elf, f’għadd ta’ formati differenti.

Iċ-Ċermen ta’ Fondazzjoni Wirt Artna spjegalna li dawn il-kanuni se jitpoġġew f’wirja permanenti f’Lascaris War Rooms, il-post li ħamsa u sebgħin sena ilu minnu ġiet pjanata l-invażjoni ta’ Sqallija.

Is-Sur Farrugia spjega li din il-wirja, li se tinfetaħ uffiċjalment iktar tard din is-sena, għandha l-għan li tagħti ġustizzja u mertu lil pajjiżna għas-sehem fl-invażjoni ta’ Sqallija lura f’Lulju elf disa’ mija u tlieta u erbgħin. Biex b’hekk Malta titpoġġa fuq il-mappa fil-kunċett tal-liberazzjoni tal-Ewropa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend