“L-isfidi ġodda ta’ Malta jeħtieġu l-għajnuna finanzjarja ġdida mill-UE” – Alfred Sant – One News

Notifiki

“L-isfidi ġodda ta’ Malta jeħtieġu l-għajnuna finanzjarja ġdida mill-UE” – Alfred Sant

Malta jixirqilha għajnuna finanzjarja ġdida mill-UE minħabba l-posizzjoni ġeografika tagħħa fil-periferija tal-Ewropa biex tagħmel tajjeb għal telf ta’ fondi li jista’ jkun hemm mill-Fondi ta’ Koeżjoni fil-Budget il-ġdid tal-UE bejn 2020-2027.  Dan qalu Alfred Sant, Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament f’laqgħa pubblika fiż-Żejtun dwar is-sehem ta’ Malta mill-Budget tal-UE bejn 2020-2027.

Dr Sant qal li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE hija problema għall-UE għax se jonqos il-kontribut ta’ dal-pajjiż għall-Budget Ewropew. Dan qed isir fl-istess żmien li nħolqu prijoritajiet oħra għall-Ewropa, l-aktar bl-immigrazzjoni u bil-politika ta’ sigurta’ tal-UE. Malta se titlef alleat mir-Renju Unit li kellha l-istess posizzjoni tagħna fuq is-servizzi finanzjarji.

“Il-problemi tal-immigrazzjoni mil-Lvant u mill-Afrika ta’ Fuq se jżidu l-piż biex l-UE tħares il-fruntieri tagħha. Dan apparti l-fatt li l-UE trid tiddetermina kif tiddefendi l-fruntieri tal-baħar bejn l-Afrika u l-kontinent.  L-UE trid toħloq investimenti ġodda fil-pajjiżi Afrikani. L-UE trid iżżid l-infieq fuq id-difiża u s-sigurta’ għax l-Ewropa fehmet li ma tistax tistrieħ aktar fuq l-Istati Uniti. Il-ħatra ta’ Trump żiedet l-inċertezza tal-UE fuq l-Istati Uniti li qed jagħmilha ċara li l-Ewropa għandha toħroġ sehemha għad-difiża u ma tistriehx biss fuq in-NATO.”

Malta tibbenefika l-aktar mill-Fondi tal-Koeżjoni fi proġetti ta’ toroq, enerġija, edukazzjoni, industrija.

Dawn il-fondi jitqassmu skont il-bżonnijiet tal-pajjiżi. L-ekonomija ta’ Malta kibret bin-nofs fl-aħħar, espansjoni bla preċedent mill-Indipendenza ‘l hawn. Il-kontribuzzjoni ta’ Malta lejn l-UE kienet akbar fl-aħħar snin minħabba l-espansjoni ekonomika bla preċedent li kellu pajjiżna.

Dr Sant qal li l-UE qed tikkonsidra taxxi ġodda fuq bażi Ewropea.

“Issa qed tissemma t-taxxi fuq il-plastic, taxxi fuq is-servizzi finanzjarji, taxxi komuni fuq l-ekonomiji tal-istati membri kollha tal-UE.”

Franza  u l-Italja mhumiex jaqblu mat-tnaqqis tal-budget fuq l-agrikoltura, il-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa ma jaqblux mat-tnaqqis mill-fondi tal-Koeżjoni, l-Olanda se toħroġ aktar milli ddaħħal. Il-Gvern Ġermaniż huwa mhedded mill-koalizzjoni fil-Bavarja li qed tisfida direttament d–deċiżjonijiet ta’ Angela Merkel.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend