Il-ministeru għall-ambjent qiegħed jaħdem fuq għadd ta’ miżuri sabiex b’mod immedjat, is-sitwazzjoni tal-ħaddiema tal-iskips fil-qasam tal-kostruzzjoni tiġi lura għan-normal.
Dan hekk kif ħaddiema fil-qasam tal-kostruzzjoni mhux jitħallew mis-sidien tal-barrieri jordmu l-iskart tal-kostruzzjoni fil-barrieri tagħhom.
Ir-raġuni wara dan, fi kliem il-ħaddiema nfushom, hija għax l-iskart tal-kostruzzjoni mhux ikun isseparat iżda miżgħud b’materjal imħallat fosthom ħadid.
Att li qed iħalli bosta konsegwenzi, kemm fuq il-ħaddiem li qed jirrifjuta x-xogħol kif ukoll fuq il-klijenti nnfushom hekk kif mhumiex jinqdew.
B’reazzjoni għal dan, Doris Sammut Bonnici mill-Green Skip Services saħqet li s-soluzzjoni hi li s-sidien tal-barrieri jilqgħu tip ta’ skart anke mħallat.
Kelliem għall-ministeru tal-ambjent qal li hemm numru ta’ permessi operazzjonali li ser jigu trattati bi prijorita u qiegħda ssir evalwazzjoni tal-barrieri kollha inkluż dawk li huma mikrija mill-Gvern.
Dan fl-istess waqt li f’każ li l-isblokk ma jsirx, il-ministeru jista’ jaġixxi b’mod in extremis u jikkapparra xi volumi mill-barrieri.
L-istess kelliem f’isem il-ministeru sostna li jifhem li dawn is-soluzzjonijiet mhumiex se joffru soluzzjoni fit-tul u saret talba lill-Awtorita’ għall-ambjent u r-riżorsi, l-ERA sabiex toħloq politika biex tinstab soluzzjoni dejjiema.
Dan filwaqt li hemm miżuri maħsuba biex ikun hemm aktar spazju aċċessibbli għar-rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni.