Ommu u missieru huma Maltin, propju minn Ħaż Żabbar. Iżda kienu siefru lejn l-Ingilterra u fl-1973 twieled f’Crawley.
Qed nitkellmu fuq Kevin Muscat, kowċ tat-tim tal-futbol Melbourne Victory, wara karriera jilgħab ma’ timijiet Awstraljani u anke Ingliżi.
Hekk kif jinsab fuq btala f’pajjiżna, One News tkellem mal-eks plejer tat-tim nazzjonali Awstraljan meta kien mistieden fuq il-programm Żona Dinjija.
Fid-dawl li bħalissa tinsab fl-aqwa tagħha t-Tazza tad-Dinja, staqsejnih fuq x’jaħseb mit-tim li kien jirrapreżenta hu.
Muscat tista’ tgħid li kellu karriera pjuttost interessanti meta tħares lejn it-timijiet li lagħab magħhom.
Fost dawn kien hemm Crystal Palace, Wolves u Rangers. Fi kliemu, fl-għaxar snin li għamel jilgħab fir-Renju Unit kien żmien tajjeb u fih ħa gost.
Kisba importanti fil-karriera tiegħu kienet meta rnexxielu jilgħab fl-FA Cup Ingliża.
Wara li tem mil-karriera ta’ plejer fl-2012, Muscat beda jikkowċja lil Melbourne Victory.
Tim li dis-sena rebaħ iċ-Championship.
U fid-dawl li Kevin Muscat għandu ommu u missieru Maltin, u allura ġibda lejn pajjiżna jkun hem bilfors, ma stajnix ma nsaqsuhx fuq jekk għadx naraw lil Muscat jikkowċja f’pajjiżna.