L-operazzjoni ta’ salvataġġ saret bejn il-Libja u Lampedusa – One News

Notifiki

L-operazzjoni ta’ salvataġġ saret bejn il-Libja u Lampedusa

Żvolta fl-aħħar ħin dwar il-kwistjoni tal-vapur MV LIFELINE li jinsab bejn sema u ilma b’mitejn u disgħa u tletin immigrant fil-baħar Mediterran.

Kelliem għall-Gvern qal li l-operazzjoni ta’ salvataġġ ta’ dan il-bastiment saret bejn il-Libja u l-gżira ta’ Lampedusa.

Qal li bħal f’kull każ Malta ssegwi l-obbligazzjonijit legali skont il-konvenzjonijiet applikabbli.

Qal li skont iċ-ċentru ta’ kordinazzjoni ta’ Ruma, il-każijiet ta’ tiftix u salvataġġ saru fir-Reġjun Libjan ta’ tiftix u salvataġġ.

Qal li dawn bdew jiġu kkordinati miċ-ċentru f’Ruma waqt li l-awtoritajiet Libjani ħadu r-responsabbilità tal-każijiet fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ.

Kien kmieni dalgħodu li qamet diskussjoni dwar f’liema port kellu jidħol dan il-bastiment bl-immigranti.

Matteo Salvini, il-Ministru tal-Intern Taljan, qal li għas-sigurtà tal-ekwipaġġ u l-immigranti, il-vapur kellu jidħol Malta.

Madankollu l-kelliem għall-Gvern qal li f’dawn il-każijiet Malta la kienet l-awtorità kompetenti u lanqas l-awtorità li qed tikkordina, u tenna li l-operazzjoni ta’ salvataġġ bdiet bejn il-Libja u Lampedusa.

Sostna li l-MV Lifeline kiser l-obbligazzjonijiet meta naqas li jsegwi struzzjonijiet li ngħataw mill-awtoritajiet kompetenti fiż-żona ta’ Tiftix, u l-awtoritajiet Libjani u Taljani, jew min minnhom kien qed jikkordina il-każ.

Skont l-awtoritajiet Olandiżi, l-MV Lifeline qiegħed juża l-International Certificate of Pleasure Craft’ u għalkemm għandu dokument Olandiż, mhux qed ibaħħar taħt il-bandiera Olandiża.

Il-kelliem qal li dan hu każ legali serju u hemm numru ta’ stati membri tal-Unjoni Ewropea fosthom Malta li jinsabu f’kuntatt dwar dan il-każ.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend