Konferenza li tinsisti fuq titjib permezz ta’ aktar bidla infrastrutturali – One News

Notifiki

Konferenza li tinsisti fuq titjib permezz ta’ aktar bidla infrastrutturali

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg indirizza l-konferenza ‘Improving through Change’ mtella’ mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar fi ħdan l-istess ministeru.

Il-Ministru Borg irrefera għat-tema tal-konferenza, u qal li l-kunċett ta’ bidla huwa kunċett importanti, iżda huwa importanti wkoll li wieħed iħares lura lejn dak li jkun inkiseb u jara kif dan ġie implimentat. Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu bil-kisbiet tal-ministeru matul din l-aħħar sena u semma r-relevanza miżjuda li l-ministeru kiseb matulha. Huwa qal li din ġabet magħha ċertu sfidi, iżda faħħar u rringrazzja lill-ħaddiema tal-ministeru għax-xogħol siewi li qegħdin jagħmlu u li hu tant relevanti għall-pajjiż.

Il-Ministru Borg saħaq dwar l-importanza tal-ġid ekonomiku li qiegħed jesperjenza l-pajjiż, iżda fakkar li dan ifisser ukoll illi rridu naħdmu iktar biex insostnu l-pass li qbadna u anke ntejbuh. Il-Ministru qal li għad fadal ħafna xi jsir. Huwa aċċena għat-twaqqif li se jsir dalwaqt ta’ Infrastructure Malta li se tkun qed timplimenta l-investiment mingħajr preċedent ta’ €700 miljun fl-infrastruttura tat-toroq. Huwa tkellem dwar il-bżonn li nkomplu naraw kif intejbu aktar il-kisbiet li saru s’issa mill-Awtorità għat-Trasport f’Malta. Hawnhekk, il-Ministru rrefera għax-xogħol tal-predeċessur tiegħu Joe Mizzi fuq is-servizz tat-trasport pubbliku, li issa tant laħaq popolarità li hemm bżonn ta’ aktar ħidma sabiex it-trasport isir aktar effiċjenti. Il-Ministru Borg fakkar ukoll fl-importanza tas-setturi tal-avjazzjoni u tal-marittimu, żewġ setturi li qed jagħmlu ħafna kisbiet u qed iġibu magħhom ħafna opportunitajiet.

Il-Ministru Borg faħħar ukoll id-diversi ħidmiet tal-awtoritajiet l-oħra, fosthom l-Awtorità tal-Ippjanar li għamlet ħafna avvanzi, speċjalment fejn jidħlu għodda diġitali u l-Awtorità tal-Artijiet li wkoll għamlet passi importanti ’l quddiem.  Il-Ministru Borg fakkar ukoll fil-ħidma li għaddejja sabiex tinħoloq entità li se tkun qiegħda tirregola aħjar l-industrija tal-kostruzzjoni, u li se tgħaqqad numru ta’ entitajiet iżgħar li diġà jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-ministeru. Huwa qal li r-regolazzjoni tal-industrija tal-bini għandha ssir mingħajr burokrazija u li din għandha tiġi appoġġjata minn infurzar sod li jiżgura li l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin ma tiġix affettwata ħażin minn din l-industrija.

Il-Ministru Borg tkellem dwar ix-xogħol importanti li jsir mid-dipartimenti tal-ministeru stess, fosthom id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura li jqarreb lill-ministeru lejn il-komunitajiet bix-xogħlijiet utli li dan jagħmel.

Huwa aċċena għall-fatt li l-ministeru huwa wieħed tassew vast u qal li din ukoll hija opportunità li tagħti lok għal aktar diskussjoni u konsolidazzjoni. Il-Ministru tenna l-importanza tal-appoġġ u l-ħidma li ssir mis-Segretarjat Permanenti tal-Ministeru, li twassal għal direzzjoni politika u strateġija li tkun ikkomunikata b’mod ċar. Huwa għalaq billi rringrazzja lil kulħadd u saħaq dwar l-importanza li nħarsu ’l quddiem għal aktar ħidma u għal futur mill-aqwa.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius irringrazzja lis-Segretarju Permanenti għal din l-inizjattiva li twassal għal aktar għarfien u konsolidazzjoni bejn id-diversi dipartimenti li jaqgħu fi ħdan il-ministeru. Huwa tkellem dwar l-importanza li nirriflettu fuq li għamilna u naraw kif se ntejbu dan għaż-żmien li ġej. Is-Segretarju Parlamentari Agius saħaq dwar l-importanza li l-management ikollu relazzjoni pożittiva mal-ħaddiema tiegħu u qal li meta wieħed jaħdem bħala team, dejjem se jkollu riżultati aħjar. Huwa qal li l-esperjenza tiegħu matul din is-sena kienet waħda ta’ ħafna tagħlim f’settur li kien ġdid għalih, u esprima l-kunfidenza tiegħu li għad baqa’ ħafna kisbiet xi jsiru.

Is-Segretarju Parlamentari ddeskriva lill-Awtorità tal-Ippjanar bħala eżempju mill-aqwa ta’ entità li topera b’suċċess, u semma wħud mill-kisbiet ta’ din l-Awtorità, speċjalment fejn jidħlu aċċessibilità għall-klijenti u flessibbiltà għall-impjegati. Huwa tkellem dwar l-isfidi li għandu r-Reġistru tal-Artijiet iżda ħares ’il quddiem b’pożittività lejn il-futur ta dan ir-reġistru. Chris Agius qal li l-Awtorità tal-Artijiet ukoll kellha sena ta’ ħidma u sena ta’ suċċessi, fejn f’perjodu ta’ seba’ xhur ġew deċiżi mat-3,000 każ, u li filwaqt li għad baqa’ xi jsir, il-futur tal-awtorità jidher li huwa wieħed sabiħ.

Is-Segretarju Parlamentari Agius għalaq billi esprima l-kunfidenza tiegħu fil-futur u qal li jeħtieġ li nħarsu ’l quddiem filwaqt li irringrazzja lil kulħadd ta’ sena li tista’ tiġi deskritta biss bħala waħda ta’ suċċess.

Is-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar ta’ preżentazzjoni dwar il-ħidma li qiegħed iwettaq u li se jkun qiegħed iwettaq il-Ministeru. Is-Sur Cutajar tkellem dwar l-importanza ta’ konferenza bħal din, fejn wieħed jista’ jitgħallem dwar prattiċi tajbin f’entitajiet oħra. Diskussjoni bħal din twassal għal aktar tibdil u aktar inizjattivi bl-għan li jsiru t-tibdiliet meħtieġa għal servizz pubbliku msaħħaħ.

Huwa ta eżempji ta’ proġetti relevanti li ġew implimentati tul dawn l-aħħar sitt xhur. Fost dawn, semma li ġew installati pannelli fotovoltaiċi fuq il-binja ta’ Project House f’Beltissebħ il-Furjana. Permezz tal-enerġija ġenerata qed ikunu frankati l-flus li jistgħu jitpoġġew fuq proġetti oħra għall-benefiċċju tal-pubbliku. Fejn jidħlu riżorsi umani, is-Sur Cutajar spjega l-miżuri li ttieħdu u li hemm ippjanati, fosthom taħriġ fil-qasam industrijali u għodod li jiffaċilitaw il-proċessi għall-impjegati tal-ministeru, kemm dawk li jaħdmu fl-uffiċini kif ukoll dawk li jaħdmu fuq barra, favur aktar sigurtà u żvilupp.

Il-ministeru qiegħed jippjana wkoll proġetti akbar, bħar-riġenerazzjoni ta’ Sally Port fil-Birgu, fil-parti li mill-Kalkara tagħti lejn il-Birgu, li diġà wasal fl-istadju ta’ studji speċifiċi u spezzjonijiet sabiex jgħinu fit-tfassil tal-kunċett tad-disinn tal-proġett. Is-Segretarju Permanenti tkellem ukoll dwar l-impenn tal-immaniġġjar taż-żoni kostali, fejn qed issir kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet li għandhom interess fih, filwaqt li qiegħed isir xogħol mal-Università ta’ Malta favur mudelli tal-aqwa kwalità. Dan il-proġett huwa mmirat sabiex jitnaqqas il-periklu fit-tliet żoni identifikati, li huma ż-Żonqor f’Marsaskala, St Peter’s Pool f’Delimara u l-bajja tal-Ġnejna. Dan flimkien ma’ ħidma li twettqet f’din l-aħħar ġimgħa favur is-sigurtà fil-bajja ta’ Għar Lapsi.

Huwa qal ukoll li għaddejja ħidma intensiva sabiex titwaqqaf aġenzija għall-investigazzjonijiet tas-sigurtà fis-settur tat-trasport. Din l-aġenzija hija maħsuba li twettaq investigazzjonijiet bl-għan li jkun hemm approċċ kompletament differenti mill-investigazzjonijiet li aħna mdorrijin bihom sa issa. L-idea hija li dawn l-investigazzjonijiet iservu ta’ analiżi sħiħa biex jikkontribwixxu fit-titjib tad-disinn tat-toroq tagħna bil-ħsieb li jkunu aktar sikuri. Permezz ta’ delegazzjoni li attendiet għall-Forum Internazzjonali tat-Trasport imtella’ fil-Ġermanja fl-aħħar ta’ Mejju li għadda, il-ministeru kellu laqgħat bilaterali li wasslu biex wieħed se jkun f’qagħda li jżur pajjiżi oħrajn fejn dawn il-mudelli qed jintużaw biex titwaqqaf kollaborazzjoni internazzjonali ġdida f’dan ir-rigward.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend