Is-siġar tal-pjazza ta' Raħal Ġdid rilokati f'ġonna oħra | One News

Notifiki

Is-siġar tal-pjazza ta’ Raħal Ġdid rilokati f’ġonna oħra

Is-siġar kollha li kienu jdawru l-pjazza ta’ Raħal Ġdid qabel bedà l-proġett ta’ rinovar, ġew rilokati għal żoni oħra fl-istess raħal biex b’hekk l-ebda siġra ma’ ġiet meqruda għajr għal waħda li kellha l-għeruq tagħha mdawra mas-servizzi tal-elettriku.

ONE News ltaqà mal-Perit tal-proġett Chris Mintoff ftit passi l-bogħod miċ-ċimiterju tal-Addolorata, wieħed mill-postijiet fejn reġgħu tħawla 34 siġra fejn spjega kif dan il-proċess inqasam fuq żewġt fażijiet li assiguraw li s-siġar ma ssirilomx ħsara.

Il-Perit Mintoff spjega wkoll li anke li kieku ma sarx il-proġett tal-pjazza, xorta kien se jasal iż-żmien li dawn jitneħħew minħabba ħsarat estensivi li kienu qed jikkawżaw fuq l-infrastruttura tas-servizzi u r-residenzi privati.

Dwar pavimentar li sar minflok l-asfalt fit-triq prinċipali, il-perit spjega kif l-effett li jħalli dak il-materjal fuq l-esperjenza tas-sewqan hi magħmula bi ħsieb biex wieħed iżomm mal-limitu tal-veloċità stipulata bil-liġi – dak ta’ tletin kilometru fis-siegħa.

Il-Perit Mintoff spjega wkoll li biex tkun assigurata arja pura u nadifa fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid tmħawla 34 siġra li magħhom hemm il-pjan li jiżdiedu għadd ta’ rqajja ta’ ħaxix u “bushes” żgħar.

Intant is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li se jkompli jaħdem bla waqfien biex il-Pjazza ta’ Raħal Ġdid tkun waħda mill-isbaħ pjazez f’Malta. Dan minkejja li fl-aħħar sigħat persuna hedditu b’ħajtu meta kitbet li min kien involut fil-proġett tal-Pjazza għandhom jisparawlu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend