Il-Brillantini tal-Qari jsaħħru l-udjenza bit-talenti tagħhom – One News

Notifiki

Il-Brillantini tal-Qari jsaħħru l-udjenza bit-talenti tagħhom

Nhar it-Tnejn 18 ta’ Ġunju 2018, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu taħt il-Patroċinju Distint tal-Eċċellenza Tagħha, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca organizzat serata f’ġieħ il-Brillantini tal-Qari fl-Iskola Medja Tal-Ħandaq tal-Kulleġġ San Injazju. Reading Stars/ Brillantini tal-Qari hija inizjattiva li tnediet nhar l-4 ta’ Novembru 2016 mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u hija sponsorjata minn Merlin Library.

L-għan ewlieni tal-inizjattiva huwa l-promozzjoni tal-imħabba lejn il-qari lil hinn mill-ambjent tal-klassi. Fil-fatt l-Aġenzija tirrikonoxxi dawk it-tfal li jħobbu jaqraw u li qegħdin iservu ta’ eżempju tajjeb għal tfal oħra meta jaqraw f’postijiet pubbliċi u tippremjahom. Din is-sena, ħamsin tifel u tifla mill-iskejjel tal-gvern, tal-knisja u indipendenti nstabu jaqraw f’xi waiting area, bitħa tal-iskola jew ġnien pubbliku. Dawn it-tfal ingħataw it-titlu ta’ Brillantini tal-Qari u ġew ippremjati b’ittra ta’ inkoraġġiment għall-imħabba tagħhom għall-qari u voucher ġentilment mogħti minn Merlin Library.

Waqt is-serata ta’ nhar it-Tnejn, disat itfal urew it-talenti tagħhom, fosthom bi żfin, kant, daqq ta’ strumenti mużikali u qari ta’ proża u poeżiji miktuba mill-istess tfal. F’din iċ-ċelebrazzjoni, il-Brillantini tal-Qari ngħataw tifkira mingħand il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, ċertifikat tal-okkażjoni u donazzjoni ta’ kotba mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.

Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dr Frank Fabri irringrazzja lill-ġenituri, l-edukaturi u t-tfal tal-isforzi u d-dedikazzjoni tagħhom għall-qari. Semma kif l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qiegħda toffri għadd ta’ programmi għal kulħadd, mill-ommijiet li jkunu qed jistennew tarbija san-nanniet li jattendu man-neputijiet għas-sessjonijiet ta’ qari għall-gost bħal ‘Seħer l-Istejjer’ u ‘Aqra Miegħi’.

L-Eċċellenza tagħha, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, għalqet iċ-ċelebrazzjoni billi tkellmet fuq l-importanza tal-kotba f’ħajjitha u kemm hija ħaġa sabiħa li l-ktieb ikollu rwol prinċipali f’ħajjitna u f’ħajjet it-tfal tagħna biex ’il quddiem ikunu ċittadini maturi u attivi. Semmiet ukoll kif din il-Presidenza tat importanza kbira lill-qari u fil-fatt fetħet tliet libreriji matul dawn l-aħħar erba’ snin. Hi ferħet lill-Brillantini tal-Qari preżenti bil-kliem “Għeżież brillantini kemm inħossni kburija bikom” u rringrazzjat lill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tal-ħidma bla heda li qiegħda tagħmel b’risq il-qari.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend