Ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-ewwel ħames xhur tas-sena, id-dejn tal-Gvern naqas b’aktar minn €209 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Iċ-cifri juru wkoll li matul l-istess perjodu, il-fond konsolidat irreġistra defiċit ta’ €78 miljun.
Imqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet, id-dħul tal-Gvern bejn Jannar u Mejju żdied bi kważi €10 miljun waqt li n-nefqa tal-Gvern żdiedet b’aktar minn ħamsa u tmenin miljun. Dan wassal għall-bidla negattiva ta’ ftit aktar minn €75 miljun.
L-istatistika tal-NSO turi li l-akbar żieda fid-dħul kienet irreġistrata mit-taxxa tad-dħul bi kważi €38 miljun u mill-bolla b’aktar minn €28 miljun. Apparti dan ġiet irreġistrata żieda wkoll mil-liċenziji, taxxi u multi bi kważi €18-il miljun u b’aktar minn €16-il miljun f’VAT.
Min-naħa l-oħra, iż-żieda fin-nefqa tal-Gvern kienet irreġistrata l-aktar fi programmi u inizjattivi b’żieda fin-nefqa ta’ aktar minn €47 miljun. Kienet irreġistrata żieda wkoll ta’ €10 miljun fil-feed-in tariff u €10 miljun f’mediċini u materjal li jintuża fl-operazzjonijiet.
Iċ-ċifri juru wkoll tnaqqis ta’ kważi €5 miljun fi ħlasijiet ta’ imgħaxijiet fuq id-dejn tal-Gvern.