ARA: Busuttil b'pożizzjoni differenti minn ta' Delia | One News

Notifiki

ARA: Busuttil b’pożizzjoni differenti minn ta’ Delia

L-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil ħareġ jikkummenta dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea kontra l-applikazzjoni ta’ pajjiżna għad-deroga tal-insib, mingħajr ma kkonsulta mal-Partit Nazzjonalista.

Busuttil ħareġ jikkummenta fuq Twitter dwar din id-deċiżjoni, meta fid-Dar Ċenrali kienu għadhom ma ħadux pożizzjoni uffiċjali dwar din id-deċiżjoni .

Dan ikkonfermah l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia f’kummenti li ta lill-Maltatoday.

Adrian Delia qal li Simon Busuttil l-ewwel missu fehem x’inhi l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista qabel ma kiteb l-pożizzjoni tiegħu fuq Twitter, jiġifieri li kien jaf x’kien se jkun l-eżitu tas-sentenza tal-Qorti Ewropea. Dan anke jekk qabel kull elezzjoni l-Partit Nazzjonalista wiegħed li l-insib kien se jibqa’.

It-tweet ta’ Simon Busuttil sabet l-appoġġ tad-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi.

Intant, disa’ xhur mill-ħatra ta’ Delia bħala Kap Nazzjonalista, l-inkwiet u l-qasma fil-Partit Nazzjonalista għadu evidenti.

Mal-Orizzont l-opinjonista Andrew Azzopardi esprima l-opinjoni dwar il-qasma interna li hemm fil-Partit Nazzjonalista.

Staqsa:  “Kif jista partit li ħatar mexxej b’mod demokratiku jkollu xiżma minn dawk li mexxew qabel ? Mela l-ewwel għamlu soppa u issa jridu jiddettaw l-aġenda.”

Madankollu Andrew Azzopardi qal li jekk fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli lokali, l-Partit Nazzjonalista ma jkollux riżultati sodisfaċenti, ikollu jbiddel il-Kap u l-Viċi Kapijiet.

“Biżżejjed wieħed jara d-deputati mexxejja – żgur li din hija fost l-iktar tmexxija dgħajfa li qatt kien hemm fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista” iddikjara il-Professur Azzopardi.

Huwa kien kritiku wkoll għal Adrian Delia, li fi kliemu ħa jiqba’ jbati minħabba l-passat li daħal bih fil-politika fosthom il-kwistjoni tat-taxxa li ma ħallasx għal bosta snin.

Izda mhux biss, fi kliem Azzopardi, Adrian Delia se jbati wkoll minħabba li ma jafx kif jaħdem partit.

Dr Azzopardi nnota kif il-Partit Nazzjonalista għadu dgħajjef wisq fejn tiġi l-viżjoni tiegħu ta’ kif ħa jkollna Malta u Għawdex aħjar.

Innota wkoll li anki fejn tidħol il-kwalità tal-politiċi, il-Partit Nazzjonalista huwa nieqes ħafna.

Huwa żied jinnota li l-Partit Nazzjonalista għandu midja xotta ħafna b’legat ta’ Simon Busuttil li kienet saret il-vuċi ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend