Il-Kumpanija Airbus ħabret li qed tipjana li żżarma l-operat tagħha mir-Renju Unit ġa la darba jibqgħu mexjin il-quddiem in-negozjati lejn Brexit. Deċiżjoni li mistennija li taffetwa għexieren t’għeluf ta’ persuni li jaqilgħu il-ħobża ta’ kuljum minn din il-kumpanija.
Preżentament il-kumpanija timpjega b’mod dirett mal erbatax il-elf persuna iżda hu mifhum li din id-deċiżjoni se taffetwa wkoll mal-mitt-elf impjieġ ieħor ta’ persuni li jissuplixxu din il-kumpanija.
Tom Williams, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Airbus qal li Brexit se tħalli impatt negattiv fuq is-servizzi tal-avjazzjoni fir-Renju Unit b’mod partikolari l-kumpanija Airbus.
Hu żied jgħid li filwaqt li l-kumpanija Airbus tifhem li l-proċess tal-progress politiku irid ikompli, huma jistennew li jingħataw id-dettalji kollha ta’ x’passi se jkunu qed jittieħdu biex il-kumpanija tkompli topera b’mod kompetittiv.
Hu mifhum li jekk il-kumpanija Airbus tieħu d-deċiżjoni li tirriloka l-operat tagħha, hemm pjanijet li tiġi bbażata fl-Amerka, iċ-Ċina jew xi pajjiżi Ewropej.