Tliet sentenzi tal-Qorti dalgħodu b’rabta mal-ikbar skandlu politiku fl-istorja ta’ pajjiżna juru kif il-Partit Nazzjonalista kien prova jfarfar dan l-iskandlu minn fuq spallejh bil-gideb.
Iżda llum irriżulta bil-provi li r-reazzjoni li kienu ħolqu l-istrateġisti tal-Partit Nazzjonalista, fuq quddiem nett Simon Busuttil u Tonio Fenech, ma kienet xejn għajr gidba. Fil-fatt Tonio Fenech u l-midja tal-Partit Nazzjonalista ntalbu jħallsu d-danni.
Fi tliet kawżi separati minn Joe Cordina, Sindku tax-Xagħra, irriżulta li l-attentat fjakk tal-Partit Nazzjonalista li jimplikah b’xi mod fl-iskandlu taż-żejt ma kien xejn għajr wieħed malafamanti u qarrieq.
Saħansitra l-Qorti nnnotat li dan ra kif nħolqot storja “biex jattakka lura lill-Partit Laburista li, dak il-ħin, kien qiegħed jattakka l-Partit Nazzjonalista bl-istorja magħrufa bħala l-iskandlu taż-żejt li kienet inħarġet mill-Malta Today.”
Fost l-istrateġisti fil-Partit Nazzjonalista li ħolqu din il-gidba kien hemm Simon Busuttil li llum huwa ironiku ħafna kif spiċċa kelliem tal-good governance.
Ma jistax ikollok kelliem tal-good governance kredibbli meta prova jiddefendi dak li seħħ fl-iskandlu taż-żejt.