Instagram jinsab lest biex jikkompeti ras’imb’ras ma’ Youtube. Dan hekk kif fis-sigħat li għaddew waqt avveniment f’San Francisco, il-kumpanija ħabbret li se tkun qed tagħti l-possibilità lill-utenti tagħha li ttella’ filmati sa massimu ta’ siegħa fuq pjattaforma ġdida iżda li tikkumplimenta u taħdem id f’id ma’ Instagram.
Dan qed jitqies bħala pass kbir ‘il quddiem meta wieħed iqis li l-filmati setgħu jitilgħu sa massimu ta’ minuta.
U sabiex dawn il-filmati jkunu f’post wieħed, kemm ta’ dawk li joħolqu kontenut ġdid u huma ta’ fama internazzjonali iżda kif ukoll tal-pubbliki ġenerali, Instagram ħabbret li se tkun qed tniedi IGTV. Sistema aċċessibbli permezz ta’ buttuna fuq il-wiċċ tal-pjattaforma Instagram kif ukoll permezz ta’ app ġdida.
Waqt it-tnedija ta’ din l-aħbar ġdida, il-Kap Eżekuttiv ta’ Instagram Kevin Systrom, spjega kif din l-aħbar tfisser li l-filmati se jkunu maħduma apposta għall-mowbajls tal-lum sabiex wieħed iħossu aktar komdu jara l-filmati u mhux bħal pjattaformi oħrajn ikollu joqgħod idawwar il-mowbajl biex jara sew.
Spjega kif qatt ma seta’ jimmaġina, li minn idea ta’ bejn żewġt iħbieb setgħet tinbett xi ħaġa tant kbira u li tant taffettwa l-ħajja ta’ biljun persuna.