Il-Partit Laburista sostna li kieku l-Partit Nazzjonalista kellu sens ta’ diċenza. illum kien joħroġ jiskuża ruħu man-nassaba u mhux jattakka l-Gvern biex mingħalih jiskorja punti politiċi.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista messu talab apoliġija għax il-Kapijiet tiegħu, inkluż wieħed li għadu deputat, wiegħdu lin-nassaba li se jibqgħu jonsbu dejjem u wara l-2008 ma nasbux iktar sal-bidla fil-Gvern fl-2013.
Qal li anke jekk illum bir-raġun ikunu ddiżappuntanti, in-nassaba jafu li kien biss il-Partit Laburista li għamel minn kollox biex jiddefendi t-tradizzjoni tagħhom.
Wara erba’ snin ma joħorġux jonsbu n-nassaba reġgħu ħarġu jonsbu wara l-bidla fil-Gvern fl-2014. Dan wara li l-Gvern implimenta deroga b’konsultazzjoni sħiħa ma’ għaqdiet li jirrappreżentaw lill-istess nassaba.
Sostna li d-deċiżjoni tal-lum għandha tkun mistħarrġa bir-reqqa u l-Gvern għandu jesplora l-possibbiltajiet kollha.
Peró sostna li m’hemmx dubju li n-nassaba jafu li l-Partit Laburista biss żamm kelmtu magħhom u għamel minn kollox biex jibqgħu jipprattikaw id-delizzju tagħhom. Qal li l-Partit Nazzjonalista huwa biss opportunist politikament iżda lill-kaċċaturi u n-nassaba ħallihom dejjem waħedhom jew agħar minn hekk daħlilhom l-istallet f’darhom.