It-28 u t-30 ta’ Ġunju se jara Cendrillon (Cinderella) imtella’ fit-Teatru Manoel, li se tkun it-tielet opra fil-programm ta’ din is-sena. Din l-opra ġiet komposta mill-Malti Nicolò Isouard f’Pariġi fl-1810, fejn Cendrillon issaħħar l-udjenza bit-tjubija tagħha u bħalma jiġri fil-ġrajja oriġinali, jirbaħ is-sewwa. F’din l-opra naraw ukoll lis-soprana Maltija Claire Debono, li għandha l-parti prinċipali ta’ Cendrillon.”Din l-opra tissottolinea wkoll l-importanza ta’ sinerġiji attivi mas-settur privat minħabba li hija ko-sponsorjata minn konsorzju internazzjonali li verament jemmen fil-potenzjal tal-kultura Maltija.L-impenn tagħna huwa li nibqgħu nrawmu inizjattivi u sinerġiji ta’ din l-għamla biex inressqu lejn pajjiżna aktar spettakli tal-ogħla livell, li jarrikkixxu l-kalendarju kulturali tagħna, u jpoġġu lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tat-turiżmu kulturali, ” iddikjara l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Filwaqt li t-tmiem pożittiv tal-istorja ta’ Cinderella huwa ġeneralment maħbub u apprezzat mill-udjenza dinjija, l-addattament tat-Teatru Manoel għandu bidla rinfreskanti mill-istorja tradizzjonali. Għall-ewwel darba, Cinderella se tkun qiegħda tgħix fis-snin sittin, fejn se tkun liebsa ħwejjeġ ta’ dak iż-żmien u tkanta noti għoljin!
Id-direttur artistiku tat-Teatru Manoel, Kenneth Zammit Tabona nnota li “s-sena 2018 jimmarka l-mitejn sena mill-mewt ta’ Isouard u hija wkoll is-sena li fiha l-Belt Valletta hija l-Kapitali Ewropea tal-Kultura, u b’hekk kienet konklużjoni naturali li ninkludu l-opera l-aktar popolari ta’ Isouard Cendrillon fil-programm tat-Teatru Nazzjonali.”
It-Teatru Manoel huwa kommess li jġib l-ifjen spettakli f’pajjiżna, u huwa għalhekk li t-Teatru Nazzjonali Malti qiegħed kontinwament jinvesti fl-ispettakli li jsaħħu t-talent Malti. Minħabba li t-talent ta’ Isouard iffjorixxa f’Pariġi, dan l-ispettaklu partikolari involva kollaborazzjoni ma’ konsorzju Franċiż li huma ta’ benefatturi għal din l-opra sabiex l-udjenza tapprezzaha.
Ringrazzjament speċjali jmur għall-Ambaxxata u l-Ambaxxatriċi Franċiża għall-appoġġ kontinwu tagħhom fejn jidħlu kooperazzjonijiet internazzjonali ta’ dan it-tip.