Il-proposti tal-Membru Parlamentari Ewropew (MPE) Marlene Mizzi sabiex jinbidlu ż-żoni perferali u r-reġjuni transkonfinali f’żoni ta’ prosperità li fihom ikun hemm tkabbir ekonomiku u aktar xogħol, ġew approvati b’mod unanimu mill-Kumitat tal-Kultura u l-Edukazzjoni fil-Parlament Ewropew.
L-MPE Mizzi, fir-rwol tagħha ta’ kelliema għall-grupp tal-S&D fil-kumitat CULT, qalet li tinsab “sodisfatta ferm bl-appoġġ tal-kollegi tiegħi fi ħdan il-Kumitat flimkien mal-appoġġ tal-gruppi politiċi differenti. Nagħraf li dak li qed nagħmlu se jkun qed iħalli impatt fuq ħajjet iċ-ċittadini Ewropej li jgħixu f’reġjuni transkonfinali.”
Fil-proposti tagħha Marlene Mizzi wriet b’mod ċar li wieħed għandu jipprova juża l-potenzjal massimu tar-reġjuni transkonfinali, bl-inklużjoni tal-iżgħar Stati Membri; b’mod partikolari dawk li għandhom fruntieri marittimi bħal Malta. Mizzi qalet li “kemm il-fruntieri Ewropej li jinsabu fuq l-art kif ukoll dawk marittimi huma importanti. B’hekk il-Kummissjoni għandha tieħu rendikont ta’ dan u teżamina l-isfidi li jiġu ffaċċjati minn dawk l-Istati Membri li għandhom fruntieri marittimi u mhux biss dawk tal-art.”
L-MPE Mizzi qalet li “l-iżvilupp tal-identità kulturali u l-kutura Ewropea għandu jsarraf f’aktar investiment mogħti għal proġetti tal-arti u l-professjonijiet kulturali. It-tnejn huma imprezzabbli sabiex nippromwovu l-kultura Ewropea. B’hekk ikollna aktar progress soċjali u naraw żvilupp kulturali f’kull qasam.”
Mizzi qalet li hija favur programmi li jippromwovu l-inklużjoni tad-diversità kulturali, għall-benefiċċju tat-tfal, iż-żgħażagħ u l-istudenti. Marlene Mizzi saħqet dwar il-bżonn ta’ aktar programmi ta’ skambju edukattivi għall-istudenti sa minn età żgħira. B’dan il-mod inkunu qegħdin negħlbu d-diffikultajiet soċjokulturali, inlaqqgħu studenti minn kulturi differenti, u niffaċilitaw is-sħubija transkonfinali.
“Il-Fondi ta’ Koeżjoni Ewropej għandhom jintużaw għall-bżonn taċ-ċittadini b’mod trasparenti, biex nassiguraw li jkun hemm distribuzzjoni ugwali għal proġetti-relatati mal-kultura, edukazzjoni, żgħażagħ u sport,” qalet Marlene Mizzi.