"L-Imtarfa – Belt il-Ġmiel" – Ktieb dwar l-istorja li naqqxet din il-Belt | One News

Notifiki

“L-Imtarfa – Belt il-Ġmiel” – Ktieb dwar l-istorja li naqqxet din il-Belt

“Belt il-Ġmiel” – Hekk hi mlaqqma l-belt tal-Imtarfa. Belt b’popolazzjoni ta’ inqas minn 3000 ruħ li hi kkaratterizzata minn dak li ħalliet warajha l-kolonja Ngliża iżda waħda mimlijja ħajja u mħabba lejn dak kollhu li sawwarha.

Belt li tmur lura għall-perjodu Ruman u li għal snin twal kienet tagħmel parti mill-Imdina sakemm iddistakkat ruħha fis-sena elfejn. Fiċ-ċokon u s-silenzju tagħha, l-Imtarfa llum tilqà fiha dak kollu li wieħed jistà jimmaġina – Minn ġonna, għal pjazez u saħansitra pajsaġġ pittoresk li jwassal sa’ Wied il-Qliegħa.

Dan kollhu u iżjed kien dokumentat fi ktieb li ħadem fuqu l-Kunsill Lokali. Ktieb ibbażat fuq 146 ritratt tal-fotografu Reuben Seychell.

L-editur tal-ktieb, is-Sur Vincent Żammit spjega ma’ ONE News li dan il-ktieb hu ntenzjonat biex iqarreb iżjed lill-poplu Malti kif ukoll lit-turisti li jżuru lil pajjiżna lejn l-Imtarfa u ma jibqgħux jarawha biss bħala dik il-belt li wieħed jittawwal lejha minn fuq is-swar tal-Imdina.

Hu żied jgħid li min jakwista dan il-ktieb għandu jsib fih sensiela ta’ ritratti fosthom karattestiċi storiċi, il-ħajja tal-kommunità kif ukoll il-pajsaġġi li hi mdawra bihom.

Is-Sindku tal-Imtarfa, Dr. Daniel J Attard spjega kif dan il-ktieb jitkellem fuq din il-belt żgħira bi storja rikka. Għaldaqstant hu stqarr li l-Kunsill ħass il-bżonn li jieħu azzjoni biex din l-istorja tkun dokumentata għall-benefiċċju tar-residenti tal-Imtarfa u tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Waqt attività li rat it-tnedija ta’ dan il-ktieb, is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis stqarr li dawn huma inizjattivi li jżommu bliet bħal dawn ħajjin u li jkomplu jressqu iżjed lil poplu lejn il-Kunsilli Lokali biex saħansitra jikkunsidrawhom bħala l-punt ta’ referenza prinċipali tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend