Kun parti minn Mewġa Mużika! – One News

Notifiki

Kun parti minn Mewġa Mużika!

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed toħloq Orkestra kbira kommunitarja biex tagħti prestazzjoni finali fid-9 ta’ Settembru 2018.

Bil-proġett Mewġa Mużika, li huwa parti mill-programm Kulturali ta’ Valletta 2018, diversi komunitajiet qed jieħdu sehem f’workshops intensivi mal-Maestro ta’ Ondamarela, u Tim Steiner. Dan huwa proġett mużikali interattiv ikkummissjonat mill-grupp Portugiż Ondamarela. Bħala proġett li għandu l-għeruq tiegħu fil-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni, jipproponi l-ħolqien ta’ rappreżentazzjoni mużikali pubblika li tibni s-solidarjetà permezz tal-mużika.

Kemm jekk wieħed huwa mużiċist dilettant jew aspiranti, persuna li tħobb il-mużika, professjonist fil-qasam tad-dinja tal-mużika, jew xi ħadd li sempliċiment minn dejjem xtaq idoqq strument, kulħadd huwa mistieden biex jieħu sehem f’Mewġa Mużika.

L-applikanti interessati jistgħu jipparteċipaw billi jibagħtu messaġġ privat fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Mewġa Mużika.

Workshops għal parteċipanti (kemm għall-mużiċisti u dawk li mhumiex mużiċisti) li jixtiequ jieħdu sehem f’dan il-proġett huma għaddejjin bħalissa. Dawn il-workshops qed iseħħu kull xahar matul is-sena 2018 f’Malta u Għawdex, u huma miftuħa għal nies ta’ kull età, livelli ta’ esperjenza, okkupazzjonijiet u oqsma mużikali. Din l-inizjattiva tagħti merħba wkoll lill-parteċipanti mingħajr esperjenza mużikali.

Ir-rappreżentazzjoni finali se sseħħ il-Ħadd 9 ta’ Settembru fil-Foss tal-Imdina, l-Imdina. Se jkun kunċert uniku li jiġbor flimkien dawk li qatt ma’ daqqu strument qabel, dilettanti u professjonisti b’mużika ġdida miktuba u rranġata mill-komunitajiet involuti, u li tirrifletti l-memorji, id-dinja u l-kultura tagħhom. Mewġa Mużika ssaħħaħ l-idea li ċ-ċittadini kollha jista’ jkollhom impatt fuq l-inizjattivi artistiċi b’mod strutturat, rigoruż u ludiku, filwaqt li joħolqu wkoll pjattaforma għall-mużiċisti lokali mill-ġeneri u l-oqsma tal-ħajja kollha.

Vidjows qosra li jaġġornaw lill-pubbliku fuq il-proġett jistgħu jinstabu fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Mewġa Mużika jew fuq is-sit elettroniku ta’ Ondamarela. Fit-tmiem tal-proċess, dawn il-vidjows qosra se jwasslu għal dokumentarju li juri l-vjaġġ emozzjonali u kreattiv imwettaq mill-parteċipanti li ħadu sehem fil-proġett ta’ Valletta 2018, Mewġa Mużika.

Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur www.valletta2018.org

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend