BIL-FILMAT: GO u Melita jingħaqdu biex joffru pakkett wieħed sportiv | One News

Notifiki

BIL-FILMAT: GO u Melita jingħaqdu biex joffru pakkett wieħed sportiv

Minn Awwissu li ġej, kull min iħobb jara l-isports ser ikun jista’ jgawdi l-aqwa pakkett televiżiv ta’ sports fl-Ewropa.

Dan grazzi għal Total Sports Network, tmien stazzjonijiet ġodda ddedikati għall-isport li se jiġu offruti kemm minn Melita, u anke minn Go minħabba li dawn iż-żewġ operaturi qablu li jaqsmu d-drittijiet bejniethom.

L-istazzjonijiet il-ġodda se juru l-aqwa futbol inkluż il-Premier League Ingliż, is-Serje A tal-Italja, il-UEFA Champions League, il-UEFA Europa League,  il-Bundesliga Ġermaniża, il-BOV Premier League, l-FA Cup, kif ukoll Formula 1, Moto GP, tennis u varjetà ta’ sports oħra.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, Silvio Schembri qal kif permezz ta’ dan il-ftehim, GO u Melita se joffru pakkett sportiv ikkunsidrat bħala l-aqwa fl-Ewropa:

“U allura dan ħa jkun qed ifisser li l-abbonati tagħhom, iċ-ċittadini Maltin issa ħa jkunu qegħdin igawdu bl-istess prezzijiet minn aktar stazzjonijiet għad-disponibbilita tagħhom, jiena nixtieq nirringrazzja wkoll lil Go u Melita tal-koperazzjoni sħiħa li sibna min-naħa tagħhom u talli fehmu li l-konsumatur jiġi l-ewwel.”

Il-kapijiet eżekuttivi taż-żewġ kumpaniji esprimew sodisfazzjon li issa Total Sports Network se jkun offrut fis-suq lokali biex il-klijenti se jibdew igawdu minn esperjenza ta’ sports aktar varjata.

Dan il-ftehim ifisser li minn Awwissu, il-klijenti taż-żewġ kumpaniji se jgawdu minn tmien stazzjonijiet HD ġodda tal-isport taħt l-isem ta’ Total Sports Network.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend