Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li se jkompli jaħdem bla waqfien biex il-Pjazza ta’ Raħal Ġdid tkun waħda mill-isbaħa pjazez f’Malta. Dan minkejja li fl-aħħar sigħat persuna fuq Facebook hedditu b’ħajtu meta kitbet li min kien involut fil-proġett tal-Pjazza “needs shooting” – għandhom jisparawlu.
Il-messaġġ inkiteb b’reazzjoni għal messaġġ li ttella’ mill-eks Chairman tal-Alternattiva Demokratika fuq Facebook dwar is-siġar li kien hemm fil-pjazza. B’reazzjoni, il-perit responsabbli mill-proġett Chris Mintoff sostna li għall-kuntrarju ta’ dak allegat, is-siġar inżergħu kollha mill-ġdid f’bosta ġonna pubbliċi fl-inħawi ta’ Raħal Ġdid.
Intant b’reazzjoni għall-messaġġ ta’ theddid fuq ħajtu, is-Segretarju Parlamentari Parnis qal li huwa xorta jaħfer lil min qiegħed jgħaddi dawn il-kummenti u se jkompli jaħdem bla waqfien biex meta tkun lesta, il-Pjazza ta’ Raħal Ġdid tkun waħda mill-isbaħ pjazez f’pajjiżna.