Ma teżistix definizzjoni ċara dwar is-sajd rikreattiv fuq livell Ewropew – Alfred Sant | One News

Notifiki

Ma teżistix definizzjoni ċara dwar is-sajd rikreattiv fuq livell Ewropew – Alfred Sant

 

Fil-Parlament Ewropew Alfred Sant astjena fuq ir-rapport ‘L-istat attwali tas-sajd rikreattiv fl-Unjoni Ewropea’, li jitlob lil Kummissjoni Ewropea tanalizza s-settur tas-sajd rikreattiv għal fini ta’ regolarizzazzjoni. Dr Sant qal li kien qed jastjeni f’dan il-vot għaliex ma hemmx definizzjoni ċara u li kulħadd jaqbel dwarha fuq is-sajd rikreattiv f’livell Ewropew. Dan jissemma f’diversi referenzi li hemm fl-istess rapport.

Dr Sant qal li għandha tingħata l-attenzjoni meħtieġa u l-flessibilita` dovuta minħabba l-karatteristiċi diversi li jeżistu fil-komunitajiet tas-sajd fl-Ewropa. Dan il-fatt għandu jservi ta’ prinċipju li fuqu sserraħ kwalunkwe regolarizzazzjoni possibbli fis-settur.

“Huwa riskjuż li wieħed jiddiskuti u jagħti r-rakkomandazzjonijiet dwar suġġett mingħajr definizzjoni ċara. Il-kalkoli attwali jindikaw stima ta’ bejn 8.7 u 9 miljun sajjied rikreattiv fl-UE, li jirrappreżentaw 1.6% tal-popolazzjoni Ewropea. Nirrikonoxxi l-ħtieġa għal protezzjoni ta’ speċi li qegħdin fil-periklu u li jkunu kkontrollati prattiċi tas-sajd li huma ta’ dannu. Madanakollu jekk jiġi deċiż li l-kontroll fuq is-sajd rikreattiv fl-UE huwa neċessarju, jkun ta’ importanza kbira li qafas regolatorju jikkunsidra b’mod xieraq il-karatteristiċi soċjo-ekonomiċi tas-settur tas-sajd rikreattiv.” qal Dr Sant.

Ir-rapport ġie approvat b’601 voti favur, 43 kontra u 27 astensjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend