BIL-FILMAT: Vot b'saħħtu favur il-liġi tal-IVF | One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Vot b’saħħtu favur il-liġi tal-IVF

Il-Parlament Malti vvota favur l-emendi fil-liġi tal-IVF biex persuni li sal-lum kienu mċaħħda milli jsiru ġenituri minħabba restrizzjonijiet kbar f’dik li kienet il-liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun se jkollhom possibilità akbar li jsiru ġenituri.

Ftit minuti biss wara li ttieħed il-vot, akkumpanjat mid-deputati kollha tal-Gvern, il-Prim Ministru Joseph Muscat laqa’ dan il-pass u fisser kif issa aktar persuni tista’ tingħatalhom l-opportunità li jsiru ġenituri.

“Sodisfatti ħafna illi dak li wegħedna lill-poplu fil-manifest elettorali tagħna li l-poplu vvota għalih jinsab issa f’liġi. Liġi li ddaħħal l-ugwaljanza, li ma żżommx is-sistema diskriminatorja li kellna qabel tal-IVF. M’għadniex niddiskriminaw kontra nisa waħedhom, m’għadniex niddiskriminaw kontra nisa ta’ eta akbar, m’għadniex niddiskriminaw kontra persuni li qegħdin f’relazzjoni tal-istess sess”

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne sostna kif minkejja li fl-aħħar snin twieldu 127 tarbija permezz tal-IVF kien hemm erba’ mitt koppja oħra li ċ-ċikli tagħhom ma rnexxewx u bis-saħħa ta’ dawn l-emendi se jerġa’ jingħatalhom iċ-ċans li jsirilhom ċiklu ieħor.

Dr Fearne qal li minkejja li kien hemm vot b’saħħtu favur l-emendi, il-Gvern xorta kkonsulta mal-partijiet kkonċernati.

Il-Gvern anke wara laqgħat mal-President kien lest jisma’, jitkellem u jbiddel fejn meħtieġ dwar punti validi li saru wara konsultazzjoni wiesgħa inkluż mal-Oppożizzjoni li spiċċat ivvotat kontra proposti tagħha stess u nies oħrajn.

“Kellna komunikat minn numru ta’ għaqdiet mhux governattivi li wkoll tawna xi suġġerimenti. Bdejna nħarsu lejhom iżda ma jfissirx li kull suġġeriment li jkollna jew kull proposta rridu noħduha. Hemm uħud li ma naqblux magħhom per eżempju kellna proposta f’dawn il-ġranet minn waħda mill-għaqdiet li hija kontra l-emendi tal-IVF illi qalulna biex inaqqsu l-’embryo freezing’, nagħmlu miżati għoljin xi tfisser, tfisser din il-proposta li kellna illi min jiflaħ iħallas jagħmlu l-’embryo freezing’ u min ma jiflaħx ma jħallasx”

Kif mistenni d-deputati tal-Oppożizzjoni fin-nuqqas ta’ Marlene Farrugia vvutaw kontra dawn l-emendi li għamlu l-liġi tal-IVF konformi mal-aqwa prattiċi xjentifiċi u neħħew id-diskriminazzjoni kontra nisa single u persuni LGBTIQ.

F’dan id-dibattitu li ħa numru ta’ ġimgħat spikkaw l-inkonsistenzi tad-deputati Nazzjonalisti hekk kif fil-Parament ħaduha qatta bla ħabel kontra proposti li tressqu minnhom u mdaħħla fil-liġi tal-2012.

Fost dawn kien hemm l-iffriżar tal-embrijuni, ħaġa li l-liġi mfassla minnhom kienet tippermetti li ssir fil-laboratorji tal-IVF ta’ Mater Dei

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend