Il-futur ta’ ġenituri prospettivi ġodda ser jiġi deċiż illejla fil-Parlament – One News

Notifiki

Il-futur ta’ ġenituri prospettivi ġodda ser jiġi deċiż illejla fil-Parlament

Fil-Parlament illejla mistennija li jittieħed il-vot fuq l-emendi b’rabta mal-liġi tal-IVF; dan bil-għan li jgħin aktar persuni sabiex inisslu l-ulied u jsiru ġenituri.

Wara diversi ġimgħat ta’ diskussjoni, il-Gvern sema’ mill-kritika kostruttiva li saret mill-esperti intiżi f’dan il-qasam fejn saħansitra biddel xi affarijiet b’rabta mal-istess emendi li ser iressaq hu stess għall-vot tal-lejla.

Dawn it-tibdiliet jinkludu fost l-oħrajn it-tneħħija tas-surrugazzjoni altruwistika fejn din ser tiġi ntrodotta f’abbozz ta’ liġi separat, it-tneħħija tal-anonimita’ fejn tarbija meta tikber ser ikollha d-dritt li ssir taf min hu d-donatur f’każ tad-donazzjoni tal-gamiti, iż-żieda fl-eta’ tal-mara minn 44 sena għal 48 sena li ser tikkwalifika għat-trattament tal-IVF kif ukoll illi l-embrijun iffriżat ser ikollu aktar opportunita’ li jiżviluppa f’tarbija għax ser jiġi offrut lill-istess koppja.

B’rabta ma’ dawn l-emendi l-Avukat Ġenerali f’parir li ta lill-Gvern ħabbar li l-emendi proposti ma jiksrux il-Kostituzzjoni u li l-President mhux ser tikser il-ġurament tal-ħatra meta tiġi biex tiffirma din il-liġi. Dan wara li l-Ħadd illi għadda l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca b’ittra informat lil dwar it-tħassib ta’ tliet għaqdiet li allegaw li l-emendi fil-liġi jiksru d-dritt fal-ħajja kif inhu protett mill-Kostituzzjoni ta’ Malta.

B’reazzjoni għal dan il-parir il-Prim Ministru qal li issa l-Gvern għandu ċertezza legali u li b’hekk m’hemm ebda ksur kostituzzjonali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend