Salvini bi kruċjata kontra l-barranin f'Ruma | One News

Notifiki

Salvini bi kruċjata kontra l-barranin f’Ruma

Il-Ministru tal-Intern Taljan, Matteo Salvini, jinsab fiċ-ċentru ta’ kontroversja oħra.

Din id-darba wara li appella biex isir ċensiment tat-Taljani kollha li jgħixu f’Ruma. Minkejja li din it-talba tinstema waħda normali, qed jiġi rrappurtat li l-għan ta’ Salvini, hu li jkeċċi minn Ruma dawk kollha li mhumiex Taljani.

Fil-fatt, f’Ruma hemm jgħixu iktar minn mija u tletin elf persuna deskritti bħala gypsies – persuni minn barra l-Italja, li jgħixu fil-periferija tal-kapitali Taljana fil-kampijiet u l-karavans. F’għadd ta’ ġurnali internazzjonali, intqal li issa l-politiku tal-lemin estrem irid jibda kruċjata fuq dan il-grupp ta’ persuni.

Mistoqsi dwar dan, Salvini wieġeb li l-għan tiegħu mhux li jkun kontra dawn il-barranin, iżda li jipproteġi lit-tfal Taljani. Madanakollu, il-kollega tiegħu, jiġifieri d-Deputat Prim Ministru, u l-mexxej taċ-Cinque Stelle Luigi Di Maio, qal li din ma tistax issir minħabba li tmur kontra l-kostituzzjoni Taljana.

Din il-kontroversja waslet ġimgħa biss wara li Salvini kiser il-liġijiet internazzjonali, meta rrifjuta li jdaħħal fl-Italja l-vapur Aquarius li fuq kien hemm aktar minn sitt mitt immigrant.

Minflok hu talab biex il-vapur jidħol f’Malta, bil-vapur eventwalment jidħol fi Spanja fi tmiem il-ġimgħa li għadda.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend