ARA: Pjan għal esperjenza aħjar fil-Forti Rinella – One News

Notifiki

ARA: Pjan għal esperjenza aħjar fil-Forti Rinella

Park naturali, ċentru għall-viżitaturi, u mixja gwidata mad-dawra tal-Forti.

Dawn uħud mill-pjani ta’ Fondazzjoni Wirt Artna għall-Forti Rinella għas-sentejn li ġejjin.

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Mario Farrugia, spjega kif fost oħrajn, fid-daħla se jsir ċentru modern għall-viżitaturi li se jiġġenera l-enerġija tiegħu.

Li jippermetti li l-fortizza tiġi vakata mill-affarijiet moderni li hemm fiha – is-servizzi għall-viżitatur…toilets moderni per eżempju – u dawn imorru fil-binja l-ġdida biex allura l-fortizza tiġi kompletament rikostruita fl-istat oriġinali tagħha, jigifieri qed nitkellmu 1878 sa prattikament 1905.

Dan se jfisser li l-Forti mibni fl-1887 fi żmien ir-reġin Vittoria, se jkun jista’ jinkludi fih latrina oriġinali, il-kamra fejn is-suldati kienu jqaxxru l-leħja u jinħaslu, il-kċina, u iżjed.

Nistgħu nerġgħu nirrikrejaw il-guard room. Kemm kienu jafu n-nies li s-suldati dak iż-żmien, meta kienu on duty, kienu jibqgħu bil-kit kollu, anke meta jmorru jistrieħu ftit kellhom sodda tal-injam, bi mħadda tal-injam biex huma kulma jagħmlu jistriehu fuq darhom. Biex jekk jinqala’ xi ħaġa, joħorġu jiġru.

Barra minn dan id-dawra tal-Forti se tilqa’ fiha park naturali, b’żona ddedikata għall-agrikoltura organika.

B’hekk il-viżitaturi jkunu jistgħu jgawdu minn esperjenza storika u naturali, f’żona li fiha jikbru mal-ħamsa u erbgħin pjanta endemika jew indiġena – fosthom Widnet il-Baħar u s-siġra tal-Għargħar – kif ukoll numru ta’ ħlejjaq.

F’din l-istess żona, se titħejja mixja ggwidata mad-dawra tal-Forti, fejn il-viżitaturi jkunu jistgħu jgawdu minn elementi li ħafna drabi jiġu injorati: fosthom border markers li kienu jimmarkaw it-territorji militari, fdalijiet ta’ aerials tal-komunikazzjoni, u fdalijiet ta’ ħofor kbar ikkawżati minn attakk bil-bombi f’Jannar tal-elf disa’ mija u wieħed u erbgħin fl-attakk fuq l-HMS Illustrious.

Għandek ukoll l-aħħar fdal tar-rinella Royal Navy Rinella musket range. Hawnhekk fadlilna biċċa minnu – fil-fatt dan kollu se jkun integrat f’din il-mixja. 

B’hekk, spjegalna s-Sur Farrugia, l-esperjenza tal-viżitaturi tkun waħda iktar sħiħa, rikka u spjegata, li tħares lejn l-aspetti kollha tal-Forti u tal-madwar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend