Il-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL) ilu snin jisħaq li l-liġi preżenti li tirregola l-IVF f’pajjiżna hija arkajka u restrittiva u ma tagħmilx ġustizzja mal-familji li jirrikorru għall-IVF.
Fi stqarrija l-FŻL spjega kif fl-aħħar ġimgħat, segwa d-dibattitu fuq l-emendi f’din il-liġi mil-lenti ta’ nisa u rġiel li fis-snin li ġejjin ser jibdew jibnu l-familji tagħhom.
Tkellem ma’ familji li għaddew minn din l-esperjenza bir-restrizzjonijiet preżenti u nemmnu li wasal iż-żmien li pajjiżna jagħmel dan il-pass. Inħossu li saret diġa’ biżżejjed ħsara bi djalogu li f’xi waqtiet kien ikkaratterizzat minn nuqqas t’informazzjoni u narrattiva qarrieqa.
L-FŻL qal li jemmen li l-emendi li qed jiġu ppreżentati jirrappreżentaw bilanċ xieraq wara dibattitu li ilu jkarkar snin. Nitolbu biex ma nħallux il-forzi konservattivi f’dan il-pajjiż ixekklu dan ir-raġġ ta’ dawl għal dawk fostna li qed ibgħatu fis-silenzju.
L-FŻL temmew billi qalu li jħarsu ‘l quddiem biex pajjiżna jibda jagħmel l-aħjar użu mill-avvanzi mediċi u teknoloġiċi sabiex noħolqu ħajjiet ġodda.