Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali jħabbar li s-Sur James Piscopo ser ikun qiegħed iservi bħala l-Kap Eżekuttiv fl-Awtorità tal-Artijiet mill-1 ta’ Lulju 2018.
Dan huwa riżultat tal-proċess tas-sejħa pubblika li ħarġet fl-1 ta’ Ġunju 2018. Is-Sur Piscopo ser ikun qed jippreżenta r-riżenja tiegħu lill-Bord tal-Awtorità għat-Trasport fil-jiem li ġejjin. Fl-istess waqt, id-Deputat Chairman ta’ Transport Malta, is-Sur Kevin Farrugia, ser ikun qed jassumi din il-pożizzjoni sakemm, skont il-liġi tal-istess Awtorità għat-Trasport, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali jkun qiegħed jaħtar iċ-Chairman għall-istess Awtorità, liema ħatra trid tgħaddi mill-proċess parlamentari.
Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali jixtieq jirringrazzja lis-sur Piscopo għall-ħidma tiegħu fi ħdan l-Awtorità għat-Trasport. L-istess Ministeru u s-Segretarjat Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà jirringrazzjaw lil dawk kollha li ressqu ’l quddiem u wrew interess fil-pożizzjoni ta’ Kap Eżekuttiv filwaqt li jawguraw kull suċċess lis-Sur Piscopo għall-ħidma li ser ikun qiegħed iwettaq fi ħdan l-Awtorità tal-Artijiet.