Delia b’aktar inkonsistenzi dwar il-ħlas tat-taxxa – One News

Delia b’aktar inkonsistenzi dwar il-ħlas tat-taxxa

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ngħata għajnuna minn qraba tal-mara tiegħu sabiex ikun jista’ jħallas kont pendenti ta’ tmenin elf ewro f’arretrati ta’ taxxa li kienu jmorru lura s-snin.

It-Times of Malta żvelat kif il-kunjati ta’ Adrian Delia għamlu dan billi daħlu għal konvenju li kien iffirma snin ilu għal proprjetà li tmiss mad-dar tiegħu fis-Siġġiewi b’valur ta’ €88,000.

Dan jikkuntrasta ma’ dak li qal Adrian Delia ma’ The Malta Independent. 

Fl-aħħar ġimgħa ta’ Mejju li għadda, Adrian Delia kien qal li ħallas it-taxxa dovuta mill-bejgħ tal-propjetà kif ukoll ishma ta’ kumpaniji.

Iżda issa jirriżulta li din id-dar għadha fuq konvenju li daħlu għalih il-kunjati tiegħu.

Fl-4 ta’ Frar, The Times of Malta, kienet żvelat li Adrian Delia jinsab fil-proċess li jixtri proprjetà ġdida fis-Siġġiewi minkejja li dak iż-żmien kien għadu ma ħallasx mat-tmenin elf ewro f’income tax.

Martu Nicky Vella De Fremeaux kienet applikat għall-permess biex tagħmel tibdil strutturali fil-proprjetà biex tkun tista’ tniffidha mad-dar li għandhom fis-Siġġiewi.

L-applikazzjoni kienet daħlet għand l-awtorità tal-ippjannar f’Lulju tal-elfejn u sittax.

Mal-applikazzjoni kienu daħlu ritratti tad-dar li ried jixtri Adrian Delia. Kif jixhdu r-ritratti li tpoġġew fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ipjannar, id-dar kienet tinsab fi stat abbandunat u fiha ma tidher l-ebda għamara.

It-Times of Malta qalet li Adrian Delia kien iddikjara mal-Independent li l-propjetà kien fiha għamara b’valur ta’ ħmistax-il elf ewro.

Irrimarkat li t-taxxa tal-boll titħallas biss fuq il-valur tal-proprjetà, wara li jitnaqqas il-valur tal-oġġetti fid-dar.

Qalet li dan ifisser li d-dikjarazzjoni ta’ Delia li l-proprjetà kien fiha bi ħmistax-il elf ewro f’għamara, naqqset l-ammont li kellu jħallas f’taxxa tal-boll.

Meta mistoqsi dwar il-valur ta’ 15-il ef meta fil-proprjetà jidher li ma kien hemm ebda għamara, Delia qal li ma kienx konxju tar-ritratti.

B’rabta ma din l-istorja l-ġurnalist tat-Times of Malta iltaqa’ ma’ Adrian Delia u qal li ma ffranka l-ebda t-taxxa.

Huwa żied jgħid li ma jara xejn ħażin li daħal jixtri din id-dar meta kellu jagħti mat-tmenin elf ewro f’taxxi pendenti xi jħallas.

Wara din il-laqgħa komplew jintbagħtu aktar mistoqsijiet lil Delia, li komplew joħorġu l-inkonsistenzi tiegħu. Mistoqsi għaliex fi Frar li għadda qal li kien qed ifittex il-mezzi sabiex iħallas il-proprjetà meta kien ħallas diġà tmienja u tmenin elf ewro lill-bejjiegħ, Delia ħareġ jgħid li l-flus riedhom għal xogħlijiet ta’ tisbiħ fid-dar.

Fl-istess waqt naqas milli jagħti inventarju tal-għamar li kien hemm fil-proprjetà.

Ta’ QabelLi Jmiss