Clyde Puli u David Thake jitgħajru fil-pubbliku | One News

Notifiki

Clyde Puli u David Thake jitgħajru fil-pubbliku

Il-Malti jgħid li jekk trid tkun vili allinqas kun sottili.

Madankollu dan żgur li ma japplikax għaż-żewġ fazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista hekk kif esponenti mill-kamp ta’ Adrian Delia u dak ta’ Simon Busuttil qattgħu n-nofs ta’ nhar tal-Ħadd filgħodu jinsulentaw lil xulxin fuq Twitter.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli li ftit tal-jiem ilu ftaħar li t-tmun tal-Partit Nazzjonalista jinsab f’idejh, ħareġ b’attakk sfrenat fil-konfront ta’ David Thake, wieħed mis-suldati tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil. 

Fuq Twitter, Puli ma ddejaq xejn jgħajjar lil Thake kummidjant wara li kkummenta fin-negattiv dwar artiklu tal-Kap Nazzjonalista, Adrian Delia fuq The Times.

Din il-botta xegħlet argument jaħraq bejn iż-żewġ fazzjonijiet Nazzjonalisti, b’Thake jistaqsi lil Puli jekk għadux jitħallas mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi għal xogħol li ma jagħmilx.

Fl-istess tweet Thake staqsa wkoll dwar iż-żewġ salarji l-oħra ta’ Puli, dak ta’ Deputat Parlamentari u dak ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Thake ma ddejjaqx milli jgħid li Puli ma jiswiex karlin.

Viżilbbilment maħruq, Puli għażel li ma jweġibx dawn iż-żewġ mistoqsijiet u minflok għajjar lil David Thake buffu. Minn hawn il-qiegħa kompliet tisħon b’Thake jinsulenta lil Puli u jgħajru intolleranti u razzist.

Puli rribatta lura u għal darb’oħra reġa’ għajjar lil David Thake imdejjaq u kummidjant li mhux kapaċi jdaħħaq lin-nies.

Dan l-argument kompla jiżviluppa sakemm eventwalment Puli rtira għax qal li ried imur jiekol l-ikla ta’ nofsinhar.

Fl-aħħar ġimgħat il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u ta’ madwaru pprovaw ixejnu diskors dwar il-qasma interna li ħakmet lill-Partit Nazzjonalista. Madankollu l-inċidenti li seħħew fl-aħħar ġimgħat komplew joħorġu fil-beraħ il-qasma interna fil-partit nazzjonalista.

Intant, bħala parti mill-battalja għall-kontroll tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli xolja l-Kummissjoni Elettorali tal-Partit. L-istess kummissjoni, li ftit tax-xhur ilu widdbet lil Adrian Delia fl-eqqel tal-kampanja għall-Kap tal-Partit. Dan l-attentat sar sabiex Delia jipprova jkollu kontroll assolut dwar l-għażla tal-kandidati tal-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej.

Madankollu din id-deċiżjoni ma niżlet tajjeb xejn mal-kunsilliera Nazzjonalisti fejn pubblikament fuq Facebook ikkumentaw li din id-deċiżjoni tmur kontra l-istatut tal-Partit u li jekk ma tinbidilx id-deċiżjoni huma kienu se jastjenu mill-jivvutaw fl-elezzjonijiet li ġejjin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend