Fil-kwistjoni tal-bastiment Aquarius Malta baqgħet iżżomm sod għax kienet qed tosserva l-liġijiet internazzjonali. Tkellem dwar dan il-Prim Ministru, Joseph Muscat, meta kien intervistat fuq ONE Radio u l-paġna facebook tal-Partit Laburista.
“Dak li għamilna aħna kien mhux għaliex ridna nissupervjaw jew ridna nilgħabuha ta’ tough jew ħaġa jew oħra, iżda għaliex imxejna kif kellna nimxu. Dan ngħidu għax ikun hemm xi nies li bl-aġir tal-gvern u tiegħi l-ewwel wieħed, jgħidu hekk għandu jsir ma ndaħħluhomx. Jien ħadt id-deċiżjoni li dawn il-persuni ma jidħlux għax ma kinetx responsabbiltà tagħna u ma kinetx skont il-liġi internazzjonali,” qal Joseph Muscat.
Tenna li kieku l-liġi internazzjonali kienet tgħid mod ieħor kien jaġixxi mod ieħor u jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dik id-deċiżjoni.
“Għalina kien inaċċettabli l-ordni li pruvaw jagħtu l-awtoritajiet Taljani li f’dan il-każ, Malta ghandha tieħu lil dawn il- persuni. Agir bħal dan seta’ wassal għall- krizi umanitarja,” qal il-Prim Ministru.
Spjega kif mal-pożizzjoni ta’ Malta qablu għadd ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll il- Kummissjoni Ewropea permezz tal-President Jean Claude Juncker.
Riżultat ta’ dan il-każ bħalissa Malta għaddejja minn fażi delikata ta’ relazzjonijiet mal-Italja. “Filwaqt li nkunu sodi, irridu nibbilanċjaw bejn is-sodezza u bejn li rridu l-ahjar relazzjonijiet mal-Italja. Il-pożizzjoni tagħna u tal-Italja m’għandhiex għalfejn tkun differenti minn ta’ xulxin,” żied Joseph Muscat.
“Aħna ħriġna mal-ewwel l-id tal-ħbiberija. Huwa fl-interess tagħna li ma jkunx hemm antagoniżmu mal-ġirien tagħna… u nkunu fuq l-istess naħa ghax l-interessi tagħna huma nteressi komuni.”
Fakkar li l-pozizzjoni ta’ Malta baqgħet dejjem konsistenti. Filwaqt li hemm bzonn ta’ barranin f’pajjiżna biex ikomplu jkabbru l-ekonomija, hemm bżonn li l-persuni li jiġu, jiġu b’mod legali.
Finalment, huwa jħares ‘il quddiem għall- ħidma konġunta li terġa’ tibda mal-Italja u jittama li dak li ġara ma jerġax ikun ripetut.
Il- Prim Ministru appella wkoll għall-qafas regolatorju mal-għaqdiet mhux governattivi. Spjega kif ħafna mill-għaqdiet li qeghdin joperaw f’dan il-qasam huma għaqdiet ġenwini u regolati tajjeb. Min-naħa l-oħra nsista li hemm organizazzjonijiet ferm iżghar li l-mod ta’ kif jaġixxu jkun dubjuż.
Muscat kompla jemfasizza kif quddiem kwistjoni delikata bħal din irriu wkoll nitkellmu dwar il-fatti. Semma kif meta meħtieġ kritika l-Unjoni Ewropea li ma ħaditx biżżejjed azzjoni. Iżda żied li grazzi għal ċerti miżuri li ttieħdu l-ammont ta’ nies li wasslu miċ-ċentru tal- Mediterran, bejn il- Libja u l-Ewropa, niżlu bi 78%. Fisser kif dan irid ikun rikonoxxut.
Oppożizzjoni mifxula dwar l-IVF
Intant, tliet ijiem qabel il-Parlament Malti jieħu l-aħħar vot dwar il-bidla fil-liġi tal-IVF Joseph Muscat qal li l-attitudni tal-oppożizzjoni baqgħet waħda ma tinftiehemx.
“Meta għamilna l-emendi tagħna għall-pożizzjoni tagħna, l-oppożizzjoni l-ewwel ħarġet tgħid bidlu l-affarijiet imbagħad qalu mhu veru ma bidlu xejn,” spjega Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru tkellem dwar kif l-oppożizzjoni baqgħet kontra kollox. U fisser kif kien saħansitra sorpriż bil-mod li bdew jiġu indirizzata familji b’ġenitur wieħed.
Fuq kollox l-Oppożizzjoni tant kienet konservattiva u negattiva fuq kollox li saħansitra spiċċat tivvota kontra proposti tagħha stess. Dan ġara f’każ fejn il-Gvern laqa’ proposta tad-deputat Maria Deguara.
Joseph Muscat kritika wkoll l-attitudni li min se jmur jagħmel l-IVF qisu qed jagħmel xi proċess faċli u għal darb oħra tkellem dwar id-diffikulta li wieħed jgħaddi minnha.