- Komplew ġejjin ir-riżultati minkejja l-kampanja negattiva tal-Unjoni Ewropea
L-istħarriġ tal-Ewrobarometru li għamlet il-Kummissjoni Ewropea f’Marzu li għadda u li kien ippubblikat fl-aħħar jiem jikkonferma kemm f’pajjiżna bħalissa hawn livell għoli ta’ ottimiżmu. Filfatt 60% ta’ dawk intervistati sostnew li jemmnu li l-affarijiet f’pajjiżna sejrin fid-direzzjoni t-tajba, b’kuntrast għar-rata medja ta’ 36% madwar il-pajjiżi tal-UE. Il-proporzjon ta’ Maltin li sostnew f’Marzu li għadda li jaqblu mad-direzzjoni tal-pajjiż huwa d-doppju ta’ dawk li kienu esprimew dan is-sentiment pożittiv fl-aħħar stħarriġ li kien sar f’pajjiżna qabel il-bidla fil-Gvern fl-2013.
Minkejja l-attakki qawwija li qed isiru fuq l-istituzzjonijiet mill-Oppożizzjoni, l-Ewrobarometru jindika li l-fiduċja tal-poplu fil-Gvern baqgħet soda, tant li 51% ta’ dawk intervistati qalu li kellhom fiduċja fil-Gvern, kontra l-34% li kellhom fiduċja fil-Gvern fl-2012. Madwar l-UE kienu 34% biss li qalu li kienu jafdaw il-Gvern ta’ pajjiżhom.
82% ta’ dawk intervistati f’Malta qalu li l-ekonomija sejra tajjeb. Dan huwa fost l-ogħla riżultati miksuba mindu beda jsir l-Ewrobarometru f’pajjiżna. L-ottimiżmu f’Malta huwa kważi d-doppju ta’ dak fl-UE, kif ukoll id-doppju tal-ottimiżmu osservat fl-istħarriġ li kien sar qabel il-bidla fil-Gvern. Aktar min-nofs il-Maltin intervistati fl-2012 kienu jħossu li l-ekonomija sejra ħażin. Illum dan naqas għal 10% biss. Dan meta fiż-żona ewro bħalissa 50% jhossu li l-ekonomija sejra ħażin.
Fl-istħarriġ li sar f’Marzu li għadda, 79% tal-familji f’pajjiżna sostnew li l-qagħda finanzjarja tagħhom hija tajba, filwaqt li 81% tal-Maltin jemmnu li l-qasam tal-impjiegi sejjer tajjeb. Barra minn hekk, kważi terz ta’ dawk intervistati sostnew li jistennew li l-affarijiet ser ikomplu jitjiebu fis-sena li ġejja.
Filwaqt li fl-2012 kien hemm terz tal-familji inkwetati fuq l-ekonomija u 40% mbeżża’ mill-inflazzjoni, illum dan il-proporzjon waqa’ għal 5% u 17% rispettivament. Filwaqt li fl-2012, 24% ta’ dawk intervistati kienu inkwetati fuq id-dejn nazzjonali, dan issa naqas għal 3% biss. F’pajjiżna bħalissa hawn l-anqas rata ta’ biża’ fuq il-qgħad fost il-familji madwar l-UE.
Ir-riżultati tal-Ewrobarometru jikkonfermaw kemm hawn ottimiżmu u fiduċja fost il-familji f’pajjiżna. Minkejja l-kampanji negattivi li qed jitmexxew minn xi wħud, xorta jirriżulta li l-fiduċja fil-Gvern u fid-direzzjoni politika ta’ pajjiżna għadhom f’livelli għolja ferm, u ferm aħjar mill-bqija tal-UE. Fix-xhur li ġejjin, il-Gvern ser ikompli bil-programm li bih ser ikompli jindirizza l-aspettattivi tal-poplu fejn tidħol kwalità ta’ ħajja aħjar.